Lokali Qorti

Il-provi kontra Abner Aquilina mixli bil-qtil ta’ studenta Pollakka jibdew nhar il-Ġimgħa

Il-Maġistrat Marsanne Farrugia se tisma’ l-provi fil-kumpilazzjoni kontra Abner Aquilina ta’ 20 sena miż-Żejtun mixli bil-qtil ta’ Paulina Dembska, Pollakka ta’ 29 sena fi Ġnien Indipendenza tas-Sliema fil-jum tal-Ħadd tat-2 ta’ Jannar. Dan fil-ħin li l-istudenta kienet qed titma’ l-qtates fil-ġnien, xi ħaġa li kienet tħobb tagħmel ta’ spiss.

Ix-xorti bil-polza messet lill-Maġistrat Farrugia biex tisma’ l-każ u ddeċidiet li tagħti l-bidu tal-kumpilazzjoni nhar il-Ġimgħa, 21 ta’ Jannar fl-10.00 am. Aquilina li tressaq il-Qorti nhar il-Ħamis li għadda qed iwieġeb mhux ħati fost numru ta’ akkużi li qatel u stupra lil Paulina Dembska, fi Ġnien Indipendenza tas-Sliema, kmieni filgħodu l-għada ta’ l-ewwel jum tas-sena.

Numru konsiderevoli ta’ xhieda huma mħarrka biex jixhdu f’dan il-każ bil-Pulizija jkunu fost l-ewwel persuni li għandhom jitilgħu fuq il-pedana tal-awla numru 3 huma l-membri tal-korp tal-Pulizija minn dawk tad-Disrett ta’ Tas-Sliema li ħadmu bla heda biex isolvu l-każ u mill-Iskwadra tal-Omiċidji.

L-Ispetturi tad-Distrett Jonathan Ransley u Shaun Pawney mexxew operazzjoni konġunta mal-Iskwadra kontra l-Omiċidji bl-Ispettur Ransley mistenni jkun minn tal-ewwel li jagħti d-depożizzjoni tiegħu dwar il-każ. Ransley kien l-Ispettur li quddiem il-Maġistrat tal-Għassa qara l-akkużi tal-każ.

Xhieda li mistennija tkun minn tal-ewwel hija dik tas-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Wayne Camilleri. Il-Pulizija qed tkun mgħejjuna mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fosthom id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia u l-Avukat Anthony Vella. Xhieda oħra mportanti għandha tkun ta’ tobba li eżaminaw lill-vittma u x’irriżulta mill-awtopsja li saret fuq Dembska.

L-Avukat Mario Mifsud li qed jidher għal Aquilina m’għamilx talba għall-ħelsien mill-arrest tal-klijent tiegħu iżda talab li dan jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-isptar Monte Carmeli, xi ħaġa li din trid tiġi deċiża mit-tabib tal-ħabs u mid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara vista li trid issir fuq l-akkużat.

Aquilina qed jiġi mixli li bejn l-4.00am u s-6.00 am, qatel lil Demska, stupraha, sskwestra kontra l-volontà tagħha u li ġiegħla tagħmel xi ħaġa li toffendi il-pudur tagħha. Bħala parte civile, f’isem il-vittma qed jidher l-Avukat Stefano Filletti.

Dwar x’wassal għall-arrest ta’ Jannar ingħad li l-Pulizija kienu nfurmati li kien hemm katavru fi Triq it-Torri u li kien hemm persuna li kien ittieħed fil-poliklinika tal-Floriana li kellu diversi ġrieħi u grif, x’aktarx magħmula mill-vittma biex tiddefendi ruħha. Dan beda jgħid xi diskors u spiċċa arresatat u wara ttieħed l-isptar Monte Carmeli.

Ransley qal fil-Qorti wara li qara l-akkużi li mill-mistqosijiet li għamlitlu l-Pulizija u mit-tweġibiet li huwa ta, l-Pulizija fehemet mill-ewwel li kien hu li kkommetta d-delitt. Aquilina tressaq il-Qorti l-għada li kien ġie rilaxxat mill-Isptar Monte Karmeli fejn il-Pulizija komplew bl-interrogazzjoni tagħhom maż-żagħżugħ.

Huwa kien ittieħed l-Isptar Monte Carmeli, l-għada tad-delitt, wara li xi ħin li kien qed jiġi interrogat. Meta Aquilina ġie rilaxxat mill-Isptar Monte Karmeli reġa’ tpoġġa taħt arrest u fil-preżenza tal-Avukat tiegħu Mario Mifsud huwa għamel xi ħin jiġi mistoqsi dwar ir-reat.

Aquilina kien ġie arrestat fil-Knisja tal-Balluta f’tas-Sliema wara li qajjem kommossjoni kmieni l-Ħadd filgħodu stess. Persuni fil-knisja kienu qalu li Aquilina tela’ fuq l-artal u qaleb sedja u leġiju. Huwa kien ħasad lil dawk kollha li kienu fil-Knisja jistennew biex tibda l-ewwel quddiesa tal-ġurnata u kien raġel li kien preżenti ħareġ lil Aquilina barra mill-Knisja.