Lokali Unjoni Ewropea

ILLUM l-Elezzjoni għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew

Programm speċjali fuq Net TV minn 8:45am 'il quddiem

Dalgħodu se ssir l-Elezzjoni għall-President tal-Parlament Ewropew hekk kif huma erbgħa l-kandidati li xeħtu isimhom għal din il-kariga tant prestiġġjuża. Fost il-kandidati hemm il-Membru Parlamentari Ewropew u Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew Roberta Metsola, li hi l-Kandidat tal-Partit Popolari Ewropew.

L-erbgħa kandidati huma lkoll minn pajjiżi u gruppi politiċi diversi – erbgħa kandidati li se jkunu qed iħabbtuha f’elezzjoni li mistennija tkun missielta ferm, u li fiha jivvutaw l-Membri kollha tal-Parlament Ewropew…705 – votazzjoni li t-Tlieta se tkun qed issir b’mod virtwali bħala miżura ta’ mitigazzjoni għas-sitwazzjoni tal-pandemija li l-kontinent qed iħabbat wiċċu magħha.

Ir-rebbieħ għandu bżonn ħamsin fil-mija u vot tal-voti validi – madwar 355.

L-elezzjoni mistennija tiftaħ b’diskors minn wieħed mill-Viċi Presidenti tal-Parlament Ewropew…u sussegwentament isiru diskorsi qosra minn naħa ta’ kull kandidat.

Flimkien ma’ Roberta Metsola, hemm żewġ nisa u raġel li xeħtu n-nomina tagħhom.

Alice Bah Kuhnke, Żvediża ta’ 50 sena – hija l-kandidata tal-Grupp tal-Ħodor, eks Ministru tal-Kultura u d-Demokrazija. Hija kienet ukoll preżentatriċi fuq it-televiżjoni bil-karriera tagħha tibda fuq id-Disney Club, filwaqt li kienet atleta – waħda mill-ifjen sprinters f’pajjiżha fi snin tmenin. Hija wkoll omm ta’ tlett itfal.

Dan filwaqt li hemm ukoll il-kandidat tal-grupp tal-Konservattivi, il-Pollakk Kosma Zlotowski. Qabel ġie elett fil-Parlament Ewropew, l-MEP ta’ 57 sena kien membru parlamentari fil-Polonja. Bejn l-aħħar tas-snin tmenin u l-ewwel snin 90 kien ukoll ġurnalista.

It-tielet mara li xeħtet in-nomina tagħha hija Sira Rego, Spanjola ta’ 48 sena. Il-kandidata tal-Grupp tax-Xellug kienet diġà kkontestat l-elezzjoni għall-President tal-Parlament Ewropew lura fl-2019. Filwaqt li bdiet il-karriera tagħha bħala nutritionist, hi ilha fil-politika għal dawn l-aħħar 30 sena flimkien mal-Partit Komunista Spanjol.

Mhux eskluż li l-proċess jieħu ftit fit-tul hekk kif qed ikun imbasar li mhux mistenni li hemm xi kandidat li se jġib il-maġġoranza assoluta tal-voti mal-ewwel għadd.

Matul il-ġurnata kollha tat-Tlieta, Net Television se jkun qiegħed ixandar programm speċjali, b’kollegamenti diretti minn Strasburgu mal-kollega Christine Amaira, b’aġġornamenti kontinwi u intervisti ferm interessanti. Il-programm jibda fid-8:45am…u se jkun prezentat minn Dione Borg u Lisa Spiteri.