Internazzjonali

Iżrael: Jista’ jaqa’ il-każ kontra Benjamin Netanyahu

L-eks Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu qed jinnegozja ftehim mal-awtoritajiet tal-ġustizzja bil-ħsieb li jikkonkludi l-ġuri li għaddej minnha u fejn qed iwieġeb għal akkużi ta’ korruzzjoni. L-akkużi fil-konfront ta’ Netanyahu huma dwar tixħim, frodi u ksur tal-fiduċja tal-elettorat b’konnessjoni ma’ tliet każi separati – u meta hu qed jinsisti dwar l-innoċenza tiegħu.

Mhux eskluż li Netanyahu ‘jammetti l-ħtija’ u jingħata sentenza għal servizz fil-komunità minflok piena ta’ ħabs. Ir-rapporti, iżda, qalu li Netanyahu qed joġġezzjona dwar ‘akkuża partikulari’ fejn l-ammissjoni ta’ ħtija x’aktarx li tkun  tfisser it-tmiem tal-karriera politika tiegħu.

Benjamin Netanyahu hu l-aktar Prim Ministru Iżraeljan li serva għat-tul taż-żmien u fejn kellu jwarrab wara li tilef l-elezzjonijiet nazzjonali tas-sena l-oħra. Netanyahu hu wkoll il-Kap tal-Partit Likud (tal-lemin) fil-Parlament Iżraeljan u kien dam Prim Ministru għal 15-il sena.