Il-kuntratt tal-Campaign Manager tad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne bħala Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi għadu fis-seħħ…u sħabu d-Deputati tal-Labour qed jibqgħu jiddefendu, bl-aktar mod skomdu, il-kuntratt li bih iddawwar aktar minn €13,000 fix-xahar.
Dan hekk kif għal Carmen Ciantar il-Gvern lest iħallas xejn inqas minn aktar minn €160,000 fis-sena. Iżda għall-ħaddiema tal-AirMalta baqgħu ma sabux flus…. u minflok urewhom il-bieb ta’ barra… u wisq inqas ma sabu flus għall-bqija tal-poplu b’żieda għal għoli tal-ħajja ta’ €1.15 fil-ġimgħa f’id iċ-ċittadin.
Minflok jieħdu deċiżjoni u jikkundannaw il-kontinwità li ħalla warajh l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li jagħti l-mijiet tal-eluf ta’ ewro lil tal-qalbha bħal mara tal-eks Deputat Prim Ministru Konrad Mizzi, u l-eks Chief of Communications f’Kastilja Kurt Farrugia – il-Ministri u d-deputati għażlu li jżommu s-silenzju quddiem il-mikrofonu ta’ Net News meta kienu mistoqsija għaliex il-kuntratt ta’ Ciantar għadhom ma ssospendewhx.
Quddiem dan kollu d-Deputati ta’ Robert Abela jibqgħu jaċċettaw il-fatt li ‘l ftit ta’ madwarhom jibqgħu jistgħanew u lil poplu jħalluh iħabbat wiċċu ma’ prezzijiet jiżdiedu xahar wara ieħor bilkemm ikunu jistgħu jlaħqu sal-aħħar tax-xahar.
Mistoqsi kif il-poplu jingħata ammont miżeru, u lil ta’ madwarhom jingħatawlhom l-eluf, il-Ministru fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ddefenda dak li qal Chris Fearne u kkonferma li l-kuntratt se jkun qed jinżamm.
Apparti l-paga ta’ €163,000 fis-sena, ġie żvelat li Carmen Ciantar iddaħħal ukoll tal-inqas €6,000 fis-sena bħala membru tal-bord fi ħdan il-Malta Gaming Authority. Hija nħatret ukoll bħala Chief of Staff tad-Deputat tal-Prim Ministru Chris Fearne.
//= $special ?>