Edukazzjoni Lokali

Jirreżenja Frank Fabri wara l-iskandlu tas-sieħeb ta’ Justyne Caruana

Jissokta t-taħwid fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni. Fi stqarrija uffiċjali ġie spjegat li s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni Frank Fabri rreżenja.

Dan ftit tal-ġimgħat wara li l-Ministru Justyne Caruana rreżenjat ukoll b’rabta mal-iskandlu tal-kuntratt ta’ €15,000 li ngħata lil seħibha Daniel Bogdanovic. Kuntratt li Fabri stress kien iffirma għalieh.

Wara rapport maħrug mill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, sab li l-għotja ta’ dan il-kuntratt wassal għal ksur ta’ etika.

Dan ir-rapport indika wkoll sabiex issir investigazzjoni kriminali.

Ta’ min wieħed jinnota li Clifton Grima sar is-suċċessur ta’ Caruana bħala Ministru għall-Edukazzjoni, rekord ta’ 4 Ministru f’leġiżlatura waħda għal settur tant importanti għal pajjiżna u għal uliedna.

Fi stqarrija tal-Gvern ġie spjegat li s-suċċessur ta’ Fabri huwa Matthew Vella, li nħatar Segretarju Permanenti f’Diċembru 2020 fil-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva u fil-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat.