Lokali Qorti

L-eks direttur tat-Times Vince Buhagiar jitlob lill-qorti tnaqqas l-ordni ta’ ffriżar

Il-Qorti għandha tiddeċiedi fuq talba tal-eks direttur maniġerjali tat-Times of Malta Vince Buhagiar biex tirrevedi ‘l isfel l-ammont ta’ flus milqut minn ordni ta’ ffriżar fi proċeduri kriminali kontrih. Buhagiar jinsab mixli b’ħasil ta’ flus u reati relatati, fuq ħlasijiet li rċieva mingħand kumpanija bbażata f’Ġibiltà, Malmos Ltd, proprjetà tal-eks chief of staff tal-uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Huwa qed jiġi akkużat li kkofoffa ma’ Schembri u direttur maniġerjali ieħor tal-Allied Group, Adrian Hillman, biex jitneħħew eluf minn fuq ta’ ftehim li permezz tiegħu Progress Press xtrat makkinarju tal-istampar mingħand Kasco. Buhagiar beda jaħdem fl-Allied Group fl-1966.

Fl-2003, sar chairman ta’ Progess Press, parti mill-Allied Group, li jippubblika wkoll il-gazzetta Times of Malta. Waqt is-seduta, l-avukat tiegħu, Veronique Dalli ddettat nota, fejn spjegat lill-Qorti li fir-rigward tar-rikors li kien ressaq fl-10 ta’ Novembru, u mingħajr preġudizzju għall-innoċenza tal-klijent tagħha, l-akkużat, fejn qalet li l-ammont li “jidher li jeħtieġ. li tkun salvagwardjata mill-ordni ta’ ffriżar maħruġa fl-20 ta’ Marzu 2021” għandha tkun ta’ €246,880.39.

Għalhekk il-bqija tal-assi għandhom jinħelsu mill-ordni tal-iffriżar, issottomettiet l-avukat. Il-prosekutur tal-AĠ Antoine Agius Bonnici qal li fid-dawl tal-fatt li l-Ispettur Joseph Xerri kien xehed fis-6 ta’ Diċembru 2021, indika l-ammonti allegatament irċevuti mill-akkużat, il-Prosekuzzjoni ma kkontestatx it-talba. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li se tkun qed tagħti digriet aktar tard. Il-każ ikompli f’Marzu.