Lokali

“L-obbligu li nisimgħu lill-esperti” – PN

“Il-bniedem dejjem għandu jkun fiċ-ċentru tal-politika”

Il-Partit Nazzjonalista’ jilqa’ d-dokument “A Social Pact”, maħruġ mill-Faculty of Social Wellbeing bi preparazzjoni għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

Fi stqarrija l-Kelliem għall-Politika Soċjali u l-Familja Claudette Buttigieg flimkien mal-Kelliem għat-Tiġdid Politika, Riċerka u Innovazzjoni Claudio Grech saħqu li huwa ċar li pajjiżna għandu bżonn il-kontribut serju tal-imħuħ kollha ta’ pajjiżna biex tissawwar politika serja u ġenwina fejn il-bniedem ikun dejjem fiċ-ċentru tal-politika. Din l-inizjattiva turi li l-esperti f’pajjiżna mhux qed jistennew lill-politiċi jagħmlu l-ewwel pass imma qed jixprunaw lill-partiti biex jimxu fid-direzzjoni fejn id-deċiżjonijiet huma bbażati fuq l-evidenza xjentifika u riċerkata. Hekk għandu jkun.

Il-Partit Nazzjonalista innota li wħud mill-proposti li qed jagħmel l-istess partit fuq ix-xogħol imprezzabli tal-clusters qed jidhru wkoll f’dan id-dokument. Dan juri li l-ħidma tal-clusters għandha pedament riċerkat u li saret il-konsultazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista issa huwa kommess li jixtarr il-proposti ppreżentati f’dan id-dokument biex jaddotahom u jinkludihom fil-manifest elettorali għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.