Lokali Qorti

Piena għal hold-up fuq anzjana imnaqqsa b’erba’ xhur

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja naqqset piena ta’ 40 xahar ħabs għal waħda ta’ 36 fil-konfront ta’ Antoine Galea ta’ 43 sena li kien instab ħati li wettaq hold-up fuq anzjana ta’ 82 sena f’Raħal Ġdid, 10 snin ilu. L-Imħallef Bugeja qal li naqqas il-piena b’erba’ xhur peress li Galea ma kisirx sentenza oħra tal-Qorti.

Fil-hold-up Galea kien ma’ ħalliel ieħor li daħlu jisirqu mid-dar tal-vittma. Mill-provi rriżulta li kienu nsterqu LM3,000 madwar 7,000 u oġġetti prezzjużi li jikkonsistu f’deheb. Peress li s-serqa seħħet fit-22 ta’ Jannar, għall-ħabta tas-7.00pm. u għaldaqstant wara nżul ix-xemx, is-serq kien wieħed aggravat.

L-anzjana kienet toqgħod fi Triq il-Palma, Raħal Ġdid u kienet xehdet li wieħed mill-ħallelin waqt is-serqa żammha, għamel idejh ma’ ħalqha u heddidha li jekk kienet se tibda tgħajjat, huwa kien armat b’sikkina. Fil-qorti ngħad ukoll li l-Pulizija sabu lill-anzjana b’qatgħa kbira.

Qaltilhom li waqt li kienet qed tara t-televixin, semgħet ħoss qawwi ġej mill-bieb tal-bitħa. F’tebqa’ t’għajn, iż-żewġt irġiel daħlu għal fuqha b’wieħed minnhom iżommha u l-ieħor tela’ fuq biex ifittex. Dak li kien qed iżommha wara ħareġ ħabel biex jorbotha. Hawn talbitu biex ma jweġġagħhiex għax kienet għadha ħierġa mill-isptar.

Kien għalhekk li żamm idu ma’ ħalqha u heddidha b’sikkina. Huwa qaċċtilha l-linja tat-telefon u reġa’ heddidha wara li lemaħha tipprova tiġġebbed għat-telefon. Huma ħarġu mid-dar mill-istess bieb tal-bitħa permezz ta’ sellum li ttieħed minn sit ta’ kostruzzjoni.

Dan kien ikkonfermat ukoll fid-dawl tal-fatt li ma nstab l-ebda sgass fuq il-bieb ta’ barra u li dan kien għadu magħluq bi stanga għax ftit tal-ħin qabel kienu marru xi membri tal-familja iżuruha. Il-Pulizija madankollu innutat li kien hemm xi tip ta’ ħsara fuq il-bieb ta’ barra, u li dan skont ma qaltilhom il-vittma dan minħabba li diġa kien sar tentattiv biex jisirquha,

Sadanittant fil-bitħa l-pulizija sabu kalzetta, li kienet qed tintuża mill-ħalliel li żamm lil anzjana u minn analiżi tad-DNA, irnexxielhom jikkonkludu li kienet użata minn Galea. Il-Qorti qalet li ma tistax taqbel mat-teżi tad-difiża li l-kalzetti tan-nisa li nstabu setgħu tqiegħdu minn terzi persuni.