L-organizzazzjoni Repubblika appellat lill-Kummissjoni Ewropea biex issegwi b’kawtela s-sitwazzjoni tal-libertà tal-media f’pajjiżna fid-dawl ta’ dawk li sejħet bħala attakki fil-konfront tal-ġurnalisti mill-Gvern ta’ Robert Abela.
Fl-ittra, iffirmata mill-President Robert Aquilina, l-għaqda appellat lill-President tal-Kummissjoni Ursula Von der Leyen u lill-Viċi President Vera Jourova biex jinkoraġixxu lill-Gvern Malti jiftaħ aktar il-proċess tad-deċiżjonijiet għall-iskrutinju pubbliku, filwaqt li jilqa’ l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-iżvilupp tal-politika favur is-Saltna tad-Dritt.
Repubblika qalet li tixtieq li l-kapitlu ikrah li wassal għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jingħalaq għal kollox, iżda s’issa għadna rajna biss riforma falza. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru qed jgħid li f’sitt xhur, il-Gvern impliment ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta dwar l-assassinju tal-ġurnalista, iżda Repubblika teniet li dan mhux minnu.
L-għaqda faħħret ukoll l-Abbozzi ta’ Liġi li l-Partit Nazzjonalista ressaq fil-Parlament, filwaqt li nnotat kif Abela ma jridhomx ikunu parti mill-aġenda. Minflok, ħabbar li se jinħoloq kumitat biex jeżamina proposti leġislattivi li s’issa għadhom lanqas biss ġew ippubblikati. Fuq kollox, il-Gvern għadu ma aċċettax li jappoġġja pubblikament l-idea li l-media hi r-raba’ pilastru tad-demokrazija.
//= $special ?>