Futbol Sport

Spezia jaħdsu lil Milan… Napoli b’rebħa komda

(Ritratt: EPA)

F’San Siro Spezia ħasdu lil Milan hekk kif għelbuhom bl-iskor ta’ 2-1. B’hekk Milan tilfu ċ-ċans li jitilgħu fil-quċċata tal-klassifika u baqgħu fit-tieni post bi 48 punt. Milan kienu viċin li jiftħu l-iskor fi tmiem l-ewwel taqsima meta mill-ħdax-il metru Theo Hernandez tefa’ barra. Minkejja dan minuta wara huma fetħu l-iskor meta kien Rafael Leao li approfitta minn żball ta’ Dimitrios Nikolaou biex tefa’ fix-xibka għal 1-0. Minkejja dan Spezia kisbu d-draw fil-64 minuta meta kien Kevin Agudelo li xeħet ġewwa minn cross ta’ Daniele Verde. Biex fis-96 minuta Spezia skorjaw il-gowl tar-rebħa meta minn cross ta’ Viktor Kovalenko kien Emmanuel Gyasi li tefa’ fix-xibka għal 2-1.

Intant Napoli kisbu rebħa ta’ 2-0 fuq Bologna biex żammew il-pass maż-żewġ timijiet ta’ fuq. Huma fetħu l-iskor fl-20 minuta meta minn pass ta’ Eljif Elmas li għadda lejn Hirving Lozano li tefa’ fix-xibka għal 1-0. Huma rdoppjaw fis-47 minuta meta minn pass ta’ Fabian reġa’ kien Hirving Lozano li xeħet fix-xibka.

Intant Fiorentina kisbu rebħa faċli ta’ 6-0 fuq Genoa. Fiorentina fetħu l-iskor fil-15-il munta b’gowl ta’ Alvaro Odriozola, bi Giacomo Bonaventrua jirdoppjaw fl-34 minuta wara cross ta’ Cristiano Biraghi. Fit-42 minuta Cristiano Biraghi għamilhom tlieta bi freekick mill-isbaħ. Fit-tieni taqsima Fiorentina żiedu l-iskor fil-51 minuta meta kien Dusan Vlahovic li xeħet ġewwa wara pass ta’ Bonaventura. Huma għamluhom ħamsa fid-69 minuta meta għal darb’oħra reġa’ kien Cristiano Birgahi li minn freekick kkonkluda fix-xibka għal 5-0, b’Lucas Torreira jagħmilhom sitta’ fis-77 minuta.

SERIE A

Ilbieraħ: Sassuolo v Verona 2-4, Venezia v Empoli 1-1, Roma v Cagliari 1-0, Atalanta v Inter 0-0 Illum: Milan v Spezia 1-2, Bologna v Napoli 0-2, Fiorentina v Genoa 6-0