Internazzjonali

Stati Uniti: Żewġ adoloxxenti arrestati wara inċident bl-ostaġġi

Żewġ adolexxenti spiċċaw arrestati fl-Ingilterra bħala parti mill-investigazzjoni dwar inċident li kien jinvolvi l-ħtif ta’ ostaġġi fl-Istati Uniti.

Id-drama seħħet fi tmiem il-ġimgħa fl-Istat ta’ Texas meta raġel Britanniku, identifikat bħala Malik Faisal Akram, daħal fis-sinagoga u żamm lil erba’ persuni ostaġġ għal diversi sigħat. Akram, wara, spiċċa maqtul mill-pulizija li wieġbu għall-emerġenza u wara sensiela ta’ negozjati biex l-aggressur jeħles lin-nies mis-sinagoga.

L-ostaġġi nħelsu qawwijin u sħaħ u issa ħarġet l-aħbar li l-pulizija Britannika arrestat liż-żewġ adolexxenti fin-naħa t’isfel ta’ Manchester – u mingħajr ma ngħataw dettalji. Il-Pulizija ta’ Greater Manchester, fil-preżent, qed tgħin kemm tista’ lill-investigazzjoni li għaddejja dwar il-ħtif ta’ persuni fis-sinagoga ta’ Colleyville.

Ingħad li l-adolexxenti nżammu taħt arrest bħala parti mill-inkjesta relatata mal-attakk – bl-uffiċjali għal kontra t-terroriżmu mal-Pulizija Metropolitana Britannika jinsabu f’kuntatti kontinwi mal-awtoritajiet u l-FBI fl-Istati Uniti.

Jidher li Malik Faisal Akram kien wasal fl-Istati Uniti ġimgħatejn ilu u fl-aħħar sigħat, ħuh – residenti fi Blackburn – talab apoloġija lill-vittmi tal-attakk waqt li tennau li Malik kien qed ibati minn ‘problemi mentali’.