Lokali

Tax-Shanghai Electric ħadu €10 miljun mingħand l-Enemalta f’“konsulenzi”

Tax-Shanghai Electric tħallsu €10 miljun fuq ħames snin mingħand l-Enemalta għal konsulenzi, għalkemm baqa’ mhux magħruf fhiex ikkonsistew dawn il-konsulenzi.

Hekk irrapporta l-ġurnal Times of Malta, li kkwota r-rapport finanzjarju tal-kumpanija tal-Gvern Ċiniż, li wera biċ-ċar id-dħul ta’ €2 miljuni mingħand l-Enemalta kull sena bejn l-2015 u l-2019.

Lejn l-aħħar tas-sena ta’ qabel, Shanghai Electric xtrat terz tal-ishma fl-Enemalta u jidher li dan il-ftehim – li f’isem il-Gvern Malti kien iffirmat mill-Ministru ta’ dak iż-żmien Konrad Mizzi – kien jinkludi l-klawsola li l-kumpanija Ċiniża tagħti “konsulenzi”, iżda għal ħlas.

Il-ġurnal qal li talab informazzjoni mingħand kelliem tal-Enemalta dwar x’tip ta’ konsulenzi ngħatat minn ta’ Shanghai Electric biex din tħallset €10 miljun. Madankollu, din l-informazzjoni baqgħet qatt ma ngħatat għax l-Enemalta ma pprovdietx kopja tal-ftehim dwar is-suppost konsulenza li ħallset għaliha.

Is-sena li għaddiet sar magħruf li l-kunjata ta’ Cheng Chen – li ffirma l-kuntratt bejn iż-żewġ kumpaniji f’isem Shanghai Electric – kienet sidt il-kumpanija sigrieta Macbridge, li flimkien ma’ 17 Black ta’ Yorgen Fenech kellha tgħaddi parti minn $2 miljun fis-sena lil kumpanija sigrieta li fetaħ Konrad Mizzi.

Cheng Chen kien involut ukoll fl-iskandlu tal-Montenegro wara li ħoloq kumpanija intermedjarja biex idaħħal kważi €5 miljun mill-mod kif l-Enemalta xtrat l-ishma tal-windfarms. Dan billi l-kumpanija ta’ Cheng Chen xtrat l-ishma għal prezz baxx u biegħethom bl-għoli lill-Enemalta.