Futbol Sport

Tispikka l-partita bejn Floriana u Valletta fir-ritorn tal-Kampjonat BOV Premier

(Ritratt: Trevor Sollars)

Illum jirritorna l-Kampjonat BOV Premier wara waqfa ta’ aktar minn xahar bil-partita l-aktar li tispikka tkun id-derby bejn Floriana u Valletta. Ir-ritorn tal-Kampjonat kien pospost b’ġimgħatejn wara l-waqfa tal-festi, minħabba żieda fil-każijiet ta’ Covid-19 f’pajjiżna.

Intant, il-partita l-aktar li tispikka f’din il-ġurnata, l-partita bejn Valletta u Floriana, bi Floriana jinsabu fit-tieni post tal-klassifika bi 23 punt filwaqt li Valletta jinsabu fil-ħames post b’20 punt. Floriana se jkunu qed iħarsu li jnaqqsu d-distakk minn ma’ Hibernians li jinsabu 8 punti vantaġġ fl-ewwel post. Iż-żewġ timijiet kellhom ukoll diversi tibdiliet fl-iskwadri tagħhom matul is-suq tat-trasferimenti b’Valletta jiksbu lill-plejer żagħżugħ Andrea Zammit filwaqt li Floriana saħħew l-iskwadra tagħhom bil-goalkeeper Manuel Bartolo mingħand Valletta. Fl-ewwel round kienu Floriana li rebħu dan il-konfront bl-iskor ta’ 3-0.

Intant f’partita oħra Ħamrun se jaffrontaw lil Mosta, bl-Ispartans ikunu attivi ferm fis-suq tat-trasferimenti. Ħamrun kisbu s-servizzi tal-attakkant Kolumbjan Carlos Ibarguen kif ukoll lid-difensur Steve Borg mingħand Gżira, fejn se jkunu qed iħarsu li jnaqqsu d-distakk ta’ 10 punti minn mal-leaders Hibernians. Min-naħa tagħhom Mosta kisbu lil Atim Akpan bit-tama li jgħinhom jżommu posthom fil-Kampjonat BOV Premier.

Min-naħa tagħhom Hibernians jaffrontaw lil Sirens, fejn se jkunu qed iħarsu li jżommu l-andament pożittiv li kellhom fl-ewwel parti tal-istaġun, fejn għadhom mingħajr telfa.

KAMPJONAT BOV PREMIER

Illum: National Stadium Valletta v Floriana 7.00pm Tony Bezzina Stadium Ħamrun v Mosta 7.00pm Għada: Centenary Stadium Sliema v Gżira 5.00pm Tony Bezzina Stadium Hibernians v Sirens 7.00pm L-Erbgħa: Centenary Stadium Santa Lucia v Gudja 5.00pm, Birkirkara v Balzan 9.00pm