Lokali

Appell lill-Gvern għal strateġija ċara biex naraw żieda fil-moviment ta’ passiġġieri

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ra żieda fil-passiġġieri li għaddew minnu tul l-aħħar 12-il xahar, iżda sfortunatament ma attirax passiġġieri daqs pajjiżi oħra fl-Ewropa.

Kienet din l-analiżi li saret dwar is-sena 2021 hekk kif fl-aħħar xhur l-Ajruport esperjenza daqqa ta’ ħarta kawża tal-pandemija u l-varjant Omicron.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ra tnaqqis ta’ 65.2% fil-passiġġieri li għamlu użu minn dan l-Ajruport meta tikkumpara l-2019 mal-2021… fejn matul is-sena l-oħra l-iktar li rajna kienu persuni li ġew mill-Italja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja.

Net News tkellem mal-Kap dwar l-Iżvilupp tat-Traffiku tal-Ajru, Alex Cardona, fejn spjegalna d-differenza li l-Ajruport esperjenza fl-ahhar xhur.

Għal din is-sena qed ikun imbassar li se jkun hemm kompetizzjoni għolja minn pajjiżi Ewropej oħra, b’mod speċjali għas-sajf li ġej… filwaqt li hemm tama li l-Ajruport jerġa’ jara żieda fil-passiġġieri.

Hu għalhekk li saret talba mic-CEO, Alan Borg biex il-Gvern jirrevedi l-miżuri li hemm fis-seħħ f’pajjiżna, b’mod speċjali fejn jidħol iċ-ċertifikat tal-vaċċin ….li hu validu għal 3 xhur biss, meta fil-pajjiżi l-oħra jdum validu għal 9 xhur.

Ottubru kien l-iktar xahar li ra moviment ta’ passiġġieri filwaqt li Frar kien l-inqas xahar.

L-ahhar cifri juru li matul l-2021 ghaddew madwar 2.54 miljun passiġġier mill-ajruport internazzjonali.