Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

“Flimkien nimbuttaw l-Ewropa ‘l quddiem biex ngħinu lin-nies iwettqu l-ħolm tagħhom” – Roberta Metsola

“Jien mara minn gżira żgħira u naf xi jfisser li tkun l-underdog imma naf ukoll kemm dan huwa importanti għan-nies lil hinn mill-Parlament Ewropew. Naf dan il-mument xi jfisser għal kull tifla li qed tara l-iżviluppi tal-lum, naf xi jfisser għal kull min jazzarda joħlom. Għeżież ħbieb, illum qegħda quddiemkom biex nitlob il-fiduċja tagħkom u l-vot tagħkom, biex ngħinu nimbuttaw l-Ewropa tagħna l’quddiem, flimkien, biex ngħinu lin-nies iwettqu l-ħolm tagħhom.” – Kien dan il-messaġġ li waslet l-MEP Maltija Roberta Metsola meta kienet qed tindirizza l-Parlament Ewropew ftit minuti qabel tibda l-votazzjoni fl-elezzjoni għal President tal-Parlament.

Roberta Metsola bdiet il-messaġġ tagħha billi selmet il-memorja ta’ David Sassoli li ddeskrivietu bħala “rebbieħ tal-Ewropa”, persuna li ssielet biex iġib lil kulħadd madwar l-istess mejda. “Jien se nibni fuq il-ħidma tiegħu jekk ittuni l-fiduċja li nservi bħala President tagħkom.”

l-MEP tal-PN saħqet li hi kburija u determinata u għamlet wegħda li se tagħmel spazju għal opinjonijiet differenti. Kien hawnhekk fejn appellat biex inħallu dak li firidna fil-passat u nħarssu l’quddiem lejn futur aħjar.

Meta kompliet bil-messaġġ tagħha lill-MEPs kollha, Roberta Metsola qalet li “irridu naħtfu kull opportunità biex nirrapreżentaw kull ċittadin tal-Ewropa bl-aħjar mod possibbli għaliex il-PArlament Ewropew huwa l-aqwa eżempju tal-Ewropa.”

F’messaġġ b’saħħtu, Roberta Metsola qalet li “fil-parlament hija l-qawwa tal-argument li jgħodd u mhux il-ġeografija ta’ minn fejn ġej.” Hi qalet bl-aktar mod ċar li trid tkun il-President ta’ kullħadd biex tgħin biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi ta’ żmienna. HAwnhekk semmiet fuq xix l-iktar li tixtieq taħdem u fost l-oħrajn semmiet li se tingħata prijorità lit-tibdil fil-klima, is-saħħa, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, il-ġustizzja soċjali u d-drittijiet tan-nies. “Jeħtieġ li nwettqu l-irwol tagħna fuq sfera globali.”

Il-Maltija stqarret li “għandna bżonn president li tkun aċċessibbli, li tifhem ir-realtà li jiffaċċjaw il-MPEs.” Hi qalet li “dan irid ikun Parlament li jkun miftuħ, sigur, divers, u li jkollu r-rispett li jistħoqqlu. Il-President tagħna jeħtieġ li tkun persuna li tisma’.” Hawnhekk, l-MEP tal-PN qalet li “irnexxieli nagħmel dan anke fuq kwistjonijiet li mhumiex faċli li jiġu diskussi.”

Il-messaġġ b’saħħtu tal-kandidat għall-President tal-Parlament Ewropew kompla bl-impenn tagħha; “Bħala president se nkun qed naħdem mal-MPEs kollha biex nagħti l-appoġġ istituzzjonali biex nassigura li tinstab triq ‘il quddiem. L-impenn tiegħi hu, li jien mhux se nibża’ minn deċiżjonijiet diffiċli u dejjem se nirrappreżenta lill-kull ċittadin bl-aqwa mod possibbli.”