Festi Kultura Mużika

Il-Banda Beland b’Surmast Direttur ġdid

L-Għaqda Mużikali ssellem ukoll lil Mro. Ray Sciberras tas-servizz li taha għal 19-il sena

L-Għaqda Mużikali Beland taż-Żejtun fi stqarrija ħabbret li Mro. Gordon Baldacchino nħatar Surmast Direttur ġdid tagħha b’effett mill-1 ta’ Jannar li għadda.

Mro. Gordon Baldacchino huwa iben l-Għaqda, tħarreġ mal-Banda Beland minn ċkunitu u ilu jdoqq magħha mill-1994. Għal numru ta’ snin okkupa l-irwol ta’ solista, fl-2011 inħatar Assistent Surmast tal-Banda Beland u kien jgħallem it-teorija fl-iskola tal-mużika tal-istess banda.

Huwa kien ukoll membru attiv f’diversi kummissjonijiet fi ħdan l-Għaqda Mużikali Beland, u għal diversi snin serva fil-Kumitat Direttiv tas-Soċjetà.

Mro. Gordon Baldacchino huwa wkoll Surmast Direttur tal-Banda Santa Marija, tal-Qrendi.

Il-Kumitat tal-Għaqda rringrazzja mill-qalb ukoll lil Mro. Ray Sciberras, li għal dawn l-aħħar 19-il sena mexxa b’tant kompetenza, għaqal u dedikazzjoni lill-Banda Beland, u awgura lil Mro. Gordon Baldacchino fit-tmexxija u l-ħidma futura tiegħu.