Roberta Metsola twieldet fit-18 ta’ Jannar tal-1979, miżżewġa lil Ukko, u omm ta’ erba itfal subien, li l-izghar wieħed fosthom għad għandu biss 5 snin.
Il-politika minn dejjem kienet tinteressaha u għalhekk sa minn żgħożitha kienet tinvolvi ruħha f’materji edukattivi, soċjali u politiċi.
Ġiet eletta Segretarju Ġenerali tal-European Democratic Students, u fil-European Youth Forum.
U aktar tard, hi bdiet iżżid il-ħidma politika tagħha fil-Partit Nazzjonalista, fl-MŻPN u fl-Uffiċċju ELCOM.
Sakemm imbagħad, il-ħidma politika tagħha intensifikat fl-2003 aktar waqt ir-referendum tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Roberta Metsola gradwat fil-liġi, għamlet teżi dwar is-sistema elettorali. U imbagħad gradwat b’Masters degree mill-College of Europe fi Bruges fejn speċjalizzat fil-politika u l-liġi Ewropea.
F’dan il-perijodu, il-Partit Nazzjonalista kien avviċina lil Roberta biex tkun kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2004. Din kienet l-ewwel elezzjoni tagħha, u minkejja li ma ġietx eletta baqgħet taħdem kemm fil-Partit Nazzjonalista kif ukoll mal-elettorat.
Fl-2013 kienet eletta f’elezzjoni każwali wara r-riżenja ta’ Simon Busuttil li sar Kap tal-Partit Nazzjonalista. Fiż-żewġ elezzjonijiet ta’ wara ġiet eletta bhala membru parlamentari Ewropew bl-akbar ammont ta’ voti mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-Parlament Ewropew okkupat diversi rwoli.
Hi ġiet rikonoxxuta għax-xoghol tagħha billi ntgħażlet bħala ‘Il-Membru Parlamentari Ewropew tas-Sena’ għal sentejn fuq xulxin, u anki giet magħżula bħala waħda mill-aktar politiċi influwenti u attivi fl-irwol tagħha ta’ MEP.
F’Novembru 2020 ġiet eletta l-ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew.
U issa Roberta, Maltija bħali u bħalek, saret l-iżgħar President tal-Parlament Ewropew u l-ewwel persuna minn Malta li qed tokkupa l-għola kariga f’dan il-Parlament.
//= $special ?>