Lokali Qorti

Jammetti li kiser ordni tal-Qorti meta reġa’ mar jitlob lil ommu flus għad-droga

Żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Isla li f’żewġ okkażjonijiet tressaq il-Qorti mixli b’fastidju u biża li kienet se tintuża vjolenza fuq ommu u membri oħra tal-familja tiegħu ġie kundannat sitt xhur ħabs wara li ammetta l-akkużi miġjubin kontrih. Il-każ jirrelata mal-fatt li huwa kien jitlob u jiffitta lil ommu biex tagħtih flus biex jixtri d-droga.

Gilmour Flask li tressaq il-Qorti f’Mejju u Awwissu li għaddha u li għandu problema akuta ta’ droga ammetta li minkejja l-ordni tal-Qorti u biex ma jersaqx lejn ommu u lanqas lejn il-lokalità tal-Isla ammetta quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li fis-16 ta’ Novembru li għadda għall-ħabta tas-1.00pm u qabel fl-Isla u Bormla kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.

Huwa ammetta wkoll li kiser ordni ta’ protezzjoni fil-konfront ta’ ommu mogħtija minn  żewġ Maġistrati.  Flask kien ġie mixli ta fastidju lil ommu u n-nanniet tiegħu meta kien ta’ spiss jitlobhom il-flus għad-droga, Gilmour Flask, li joqgħod Tal-Pietà kien ingħata l-libertà proviżorja fuq il-każ ta’ Mejju u f’Awwissu li għadda  Minbarra li ta fastidju huwa kien ġie mixli wkoll li kkaġuna biża li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront ta’ ommu u n-nanniet tiegħu b’mod li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni.

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija jirriżulta li huwa kien jitlob il-flus lil ommu u lin-nanniet minħabba l-vizzju tad-droga. Il-Qorti kienet  laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq il-preżunzjoni tal-innoċenza, u dan fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jirraporta l-Għassa tal-Imsida kuljum, li jibqa’ d-dar bejn is-7.30pm u t-8.00am. li ma jersaqx lejn l-Isla, bil-Qorti toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur ommu u n-nanniet għal perjodu ta’ erba’ snin.

Huwa ngħata l-pleġġ fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000. F’Mejju li għadda Flask kien ġie mixli wkoll li uża mobajl b’mod malinn u dan peress li b’dan l-apparat huwa hedded lit-tliet persuni. Huwa kien ġie mixli wkoll li sar reċediv.

Il-Qorti qalet li qed tinkonfiska is-somma taż €500 mid-depożitu u l-istess ammont mill-garanzija personali.  L-Ispettur Eman Hayman mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Leontin Callejja deheret għall-akkużat u l-Avukat Veronica Spiteri bħala avukat għan-nom tal-vittmi.