Lokali Qorti

Jibqa’ arrestat fuq akkużi li darab gravi lil missieru fi ġlieda familjari

Raġel ta’ 53 sena residenti Ħal Għaxaq inżamm taħt arrest preventiv wara li ma saritx talba għall-pleġġ fil-konfront tiegħu fuq akkużi li kkaġuna feriti gravi fuq missieru ta’ 76 sena,feriti ħfief fuq ħuh u li hedded b’mod verbali lil tnejn miz-zijit tiegħu li għandhom aktar minn 60 sena. Huwa ġie mixli wkoll li hedded lit-tifel ta’ ħuh, li għad għandu seba’ snin.

L-akkużat li ismu mhux qed jixxandar biex jiġu protetti l-vittmi wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Huwa ġie mixli b’16-il akkuża quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello bl-allegati reat jseħħu nhar il-Ħadd li għadda bejn il-11.30am u l-4.00pm.

Ir-raġel li qal li huwa xufier tat-trailers ġie mixli wkoll li wettaq ħsara fil-propjetà ta’ zitu u li bil-mod kif aġixxa ħareġ barra mill-limit tal-provokazzjoni, liema theddid u provokazzjoni allegatament saret ukoll permezz tal-meżżi ta’ kommunikazzjoni, f’dan il-każ bil-mobile.

L-Avukat Mario Mifsud qal li l-klijent tiegħu għaddej bil-kura u jieħu xi mediċina u talab biex l-akkużat jintbagħat fit-Taqsima Forensika tal-isptar Monte Carmeli, liema talba ma kellhiex oġġezzjoni minn naħa tal-Ispettur Audrey Micallef. Il-Qorti qalet li hija ma tistax tordna lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex jaderixxi ma’ din it-talba imma se tirrakkomandalu biex dan isir u għaldaqtant se ssir talba f’dan is-sens.