Lokali Unjoni Ewropea

AĠĠORNATA: Roberta Metsola eletta bħala President tal-Parlament Ewropew mal-ewwel għadd b’458 vot


11:00 L-MEP tal-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola, eletta mal-ewwel għadd tal-votazzjoni b’458 vot biex b’hekk hija l-President tal-Parlament Ewropew.

Kienu 690 il-Membri Parlamentari Ewropej li vvutaw f’din l-elezzjoni u l-maġġoranza assoluta kellha tintlaħaq 309 vot wara li 74 vot kienu ddikkjarat invalidi.

Roberta Metsola kisbet 139 vot aktar mill-kwota biex hekk rebħet din l-elezzjoni filwaqt li l-kandidati l-oħra, Alice Kunkhe u Sira Rego, kisbu 101 u 57 vot rispettivament.

10:35 Din l-elezzjoni qegħda ssir f’nofs it-terminu tal-Parlament Ewropej wara li l-Parlament ġie elett fl-elezzjonijiet madwar l-Unjoni Ewropea bejn it-22 u l-25 ta’ Mejju fl-2019.

Wara qbil bejn il-Partit Popolari Ewropew, is-Soċjalisti Ewropej u l-Grupp Renew Europe, il-kandidat tas-Soċjalisti, il-mibki David Sassoli, serva bħala President tal-Parlament Ewropew fl-ewwel terminu u l-elezzjoni ta’ dalgħodu qegħda ssir biex tiġi eletta l-President għat-tieni nofs tat-terminu sal-elezzjonijiet tal-2024.

L-Uffiċċjali eletti kollha tal-Parlament, fosthom il-President, il-Viċi Presidenti u l-Kwesturi fost l-oħrajn, jiġġeddu kull sentejn u nofs, fil-bidu tat-terminu ta’ 5 snin u f’nofs il-leġiżlatura.

Il-Presidenti elett tista’ twassal l-ewwel indirizz tagħha qabel tippresjedi l-elezzjonijiet għall-bqija tal-membri tal-bureau tal-Parlament, li se jsiru llum ukoll. Il-ħatriet fil-kumitati parlamentari għall-bqija tal-leġiżlatura se jiġu kkonfermati ukoll f’dina s-sessjoni plenarja.

10:15 Għadha kif intemmet l-ewwel votazzjoni biex l-istennija issa tgħaddi għar-riżultat li se jitħabbar għall-ħabta tal-11:00. Il-President tiġi eletta b’maġġoranza assoluta ta’ 50% u vot tal-voti validi li jinxteħtu b’mod sigriet. Voti li jitħallew vojta jew imħażża jitqiesu bħala voti mhux validi.

Jekk wara l-ewwel vot ma jkollniex rebbieħ, l-istess kandidati jew anki oħrajn jistgħu jiġu nnominati għat-tieni u t-tielet votazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet. Iżda jekk ħadd mill-kandidati ma jkollu maġġoranza assoluta wara t-tielet votazzjoni, l-aktar żewġ kandidati li kisbu voti fit-3 votazzjoni jgħaddu biex jiksbu l-appoġġ tal-Membri Parlamentari Ewropej fir-raba’ u l-aħħar votazzjoni.

09:45 Wara li t-tliet kandidati indirizzaw lill-Membri Parlamentari Ewropej, bħalissa għaddejja l-ewwel votazzjoni sal-10.15am, li għaddejja b’mod remot kawża tal-pandemija, bir-riżultat ta’ dan il-vot mistenni jitħabbar għall-ħabta tal-11:00.

09:00 L-uniku raġel li kien qed jikkontesta l-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew, Kosma Zlotowski rtira l-Kandidatura tiegħu.

Il-Pollakk ta’ 57 sena kien Kandidat tal-Konservattivi fl-Ewropa.

B’hekk issa huma 3 il-Kandidati li qed jikkontestaw din l-Elezzjoni… Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew Roberta Metsola li hi l-Kandidat tal-Partit Popolari Ewropew għal din il-kariga daqstant prestiġġjuża, Alice Bah Kuhnke, Żvediża ta’ 50 sena mill-Grupp tal-Ħodor, u Sire Rego, Spanjola ta’ 48 sena, dan mhux l-ewwel tetnattiv għal dan ir-rwol f’isem il-Grupp tax-Xellug, li kienet diġà kkontestat fl-2019.