“Jiġu mumenti fil-ħajja ta’ pajjiżna meta l-poplu kollu jingħaqad u għal ftit ħin jinsa d-dwejjaq tal-kunflitti ta’ bejnietna u nduru lejn xulxin bi tbissima filwaqt li nagħrfu li Malta għandha ulied li jistgħu jagħmluna lkoll kburin.” – Dan kien il-messaġġ tal-eks Prim Ministru ta’ Malta Lawrence Gonzi fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara l-aħbar li Roberta Metsola ġiet elett President tal-Parlament Ewropew.
Permezz ta’ post fuq Facebook, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li “l-elezzjoni ta’ Roberta Metsola għall-ogħla kariga fl-istituzzjoni demokratika ewlenija tal-Unjoni Ewopeja hija waħda minn dawn l-okkazjonijiet rari imma prezzjużi.”
Flimkien mal-mara tiegħu Kate, Lawrence Gonzi feraħ lil Roberta Metsola għal dan is-suċċess “li jagħmel gieħ lilha u lilna lkoll flimkien.”
L-eks Prim Ministru stqarr li “f’din il-kariga m’hemmx aħmar jew blu. Hemm biss integritá, serjetá, kompetenza u valuri li dawk ta’ rieda tajba jħaddnu u li jixtiequ jaraw jikbru fi ħdan kullħadd speċjalment fil-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħna.”
Lawrence u Kate temmew il-messaġġ tagħhom billi awguraw lil Roberta f’għeluq sninha fejn qalu li “minflok tajniha rigal aħna, tatna rigal hi. Grazzi.”
//= $special ?>