Futbol Sport

Punt prezzjuż għal Mqabba

Chris Cassar

MQABBA …………………… 1

NAXXAR L. …………………. 1

Mqabba: C. Abdilla, A. Cilia Mumford, O. Khatib, N. Falzon, G. Mannino, R. Spiteri, J. Attard, L. Mijic, T. Veronese, J. Busuttil, J. Vella Critien.

Naxxar L: O. Borg, A. Azzopardi, G. Martins Leite, M. Mifsud, E. Cerqueira Farias, J. Debono, R. Cassar, J. Ellul, D. Fenech, S. Meilak, D. Kassekar.

Referee: Emanuel Grech

Wara żewġ telfiet konsekuttivi Naxxar Lions setgħu jiksbu biss punt kontra Mqabba f’logħba li l-Lions għal ħinijiet twal kienu fuq l-attakk. Iżda Mqabba ddefendew tajjeb u taw kollox tul id-90 minuta biex kisbu punt prezzjuż.

Naxxar fetħu fuq l-attakk u xeħtu lill-avversarji taħt pressjoni u fil-21 minuta kienu sfortunati meta daqqa ta’ ras ta’ Jurgen Debono ħabtet malmimduda. Ftit wara opportunita’ oħra f’saqajn l-istess Debono li ra x-xutt tiegħu salvat b’diffikulta minn Abdilla.

Naxxar komplew ikollhom iktar mil-logħob iżda Mqabba bdew ikunu perikolużi bil-kontrattakki anki jekk Mijic ma deherx fl-aqwa tiegħu.

Fit-tieni taqsima l-andament ma nbidilx iżda fl-54 minuta Mqabba kienu sfortunati meta xutt ta’ Mannino ħabat ma’ sieq il-lasta. Fid-59 minuta Naxxar fetħu l-iskor meta kien hemm nuqqas ta’ attenzjoni fid-difiża ta’ Mqabba u approfitta Jurgen Debono li skorja mill-viċin fuq l-ewwel lasta.

Naxxar komplew jattakkaw iżda Mqabba baqgħu jemmnu li jistgħu jiksbu riżultat u fit-80 minuta s-sostitut Melo Costa twaqqa’ fil-kaxxa bir-referee jordna l-penalty li minnu Luka Mijic skorja b’xutt preċiż fil-baxx.