“Dan l-aħħar qegħdin naraw aktar nies jaqgħu fil-faqar għax m’għandhomx il-mezzi biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet bażiċi, li aħna neħduhom bħala xi ħaġa ovvja ħafna mid-drabi. Dik hija sfida kbira għalina ukoll għaliex aħna nixtiequ nagħmlu minn kollox biex familji jqumu fuq saqajhom imma d-diffikultajiet huma kbar.”
Saħqet dan il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni St. Jean Antide, Nora Macelli, f’kummenti ma’ NET News hekk kif ħafna huma l-persuni li bhalissa qed ifittxu l-għajnuna tagħhom.
“Is-sena l-oħra per eżempju is-social workers għenu qisu ‘l fuq minn 750 individwu fid-diffikultà minn qisu 340 familja.”
Nora Macelli elenkat bosta fatturi li qed iwasslu għar-realtà kiefra tal-faqar f’pajjiżna:
“Tafu intom kemm nies tilfu xogħol, kien hemm nies li telqu mix-xogħol, bidlu x-xogħoljew ħadu unpaid leave għax uliedhom kellhom iqattgħu ħin mat-tfal li kellhom joqogħdu d-dar, mediċini, kontijiet li qed jikbru, diffikultajiet fil-familja, tilwim. Hemm ħafna diffikultajiet għax aħna naraw lil kull tip ta’ diffikultà u mbagħad skont xi tkun, aħna nagħmlu pjan mal-familja ta’ kif ħa naħdmu flimkien.”
Il-fondazzjoni St. Jean Antide permezz tas-social workers u l-voluntieri tagħha taħdem f’numru ta’ lokalitajiet ma’ nies li jiġu huma għall-għajnuna, ma’ familji li jiġu riferuti minn parroċċi u għaqdiet oħrajn ….kif ukoll nies li għenu fil-passat li jerġgħu jiġu lura għall-għajnuna għaliex sabu l-għajnuna tant utli.
“Il-bieb tagħna s-soltu tul is-snin dejjem kien miftuħ, jiġi minn jiġi xi ħadd ħa jarah. U peress li qegħdin daqshekk viċin ta’ fejn qed għixu, naħdmu ma’ nies fil-parroċċi, m’entitajiet oħrajn allura jibdew jafdawna tant li l-affarijiet li jkunu għaddejjin minnhom insiru nafuhom sew.”
It-Tlieta, il-Fondazzjoni St Jean Antide laħqet ftehim mal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali biex tkun tista’ toffri servizz ta’ social work fin-nofsinhar ta’ Malta, fosthom f’Raħal il-Ġdid, il-Fgura, Ħal Tarxien, Santa Luċija u Birżebbuġa.
Apparti minn hekk, l-FSWS qegħda tikkolabora ukoll mas-St. Jean Antide f’programm ieħor li fih nisa u tfal li għaddew minn esperjenzi ta’ vjolenza domestika jagħtu l-għajnuna u sapport lill-vittmi oħra bħala peer mentors.
//= $special ?>