Lokali

Reazzjonijiet pożittivi wara r-riżultat ta’ Metsola

Hekk kif ħarġet l-aħbar li Roberta Metsola ġiet eletta bħala l-President tal-Parlament Ewropew, mal-ewwel bdew ħerġin bosta reazzjonijiet – mhux biss f’pajjiżna, iżda anke fuq livell Ewropew. Bil-ġurnali kollha prinċipali, specjalment fl-Italja u Franza, ifaħħru l-għażla ta’ Roberta Metsola.

Ikkummenta wkoll l-eks Prim Ministru ta’ Malta, Lawrence Gonzi illi minn naha tieghu spjega kif il-messaġġ pożittiv u b’saħħtu li għamlet Roberta Metsola wara li ġiet eletta…kien wieħed ta’ viżjoni, b’mod speċjali fid-dawl tal-ostakli li jridu jintrebħu fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Minn naħa tiegħu, il-President ta’ Malta, George Vella saħaq li l-Maltin u l-Għawdxin kollha għandhom ikunu kburin għal dan ir-rizultat. Hu saħaq li Metsola għandha kapaċità li tgħaqqad iktar minn qatt qabel il-pajjiżi kollha fi ħdan l-Unjoni Ewropea… u pajjiżi oħrajn.

Minn Strasburgu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew, Simon Busutil saħaq li dan mhux biss huwa ta’ unur għal Metsola iżda wkoll għall-Maltin kollha.

Intant, fi stqarrija, l-Ispeaker Anġlu Farrugia… f’ismu u f’isem il-membri parlamentari Maltin kollha…. bagħat jifraħ lil Roberta Metsola għall-ħatra tagħha fil-kariga prestiġjuża ta’ President tal-Parlament Ewropew. L-istess għamlu l-Isqfijiet ta’ pajjiżna fi stqarrija separata.

Tags