Internazzjonali

Tonga: Konferma ta’ diżastru bla preċedent wara l-iżbroff u t-tsunami

L-awtoritajiet f’Tonga qalu li dan il-grupp ta’ gżejjer jinsab għaddej minn ‘diżastru bla preċedent’, jiem wara li ntlaqtu minn żbroff vulkaniku li wassal ukoll għat-tsunami katastrofiċi.

Il-Gvern ta’ Tonga, issa, ikkonferma li mietu talanqas tlieta fl-iżbroff  — bi tnejn mill-vittmi jkunu residenti lokali u bil-vittma l-oħra ikun ċittadin Britanniku.

Sar magħruf ukoll li wħud mill-gżejjer żgħar fil-periferija ta’ Tongo ġarrbu l-agħar effetti tal-iżbroff u t-tsunami u fejn inqerdu kważi r-residenzi kollha.

Intant, l-isforzi biex tasal l-għajnuna lin-nies ta’ Tonga qed ikunu mfixkla mill-ġmied li ħareġ mill-vulkan. Dan waqt li l-voluntiera kienu qed inaddfu l-mitjar tal-ajruport ewlieni f’Tonga, bil-għan li jkunu jistgħu jinżlu l-ajruplani mgħobbijin bil-kunsinni tal-ikel u l-ilma għall-poplu.

Hu minnu wkoll li s-sistema għall-komunikazzjonijiet bejn Tonga u d-dinja ta’ barra ġarrbet il-problemi kbar wara li tqaċċat cable ta’ taħt il-baħar b’kaġun tal-iżbroff.