Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

“Unur għal pajjiż żgħir bħal tagħna”

“Unur għal pajjiż żgħir bħal tagħna… testment tax-xogħol li dejjem għamilna bħala pajjiż meta dħalna fl-Unjoni Ewropea. Irrid Parlament viżibli u effettiv, irrispettivament mill-kulur politku.” – hekk qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola meta kienet qed tindirizza ġurnalisti minn madwar l-Ewropa kollha fl-ewwel konferenza tal-aħbarijiet tagħha wara r-riżultat ta’ 74% tal-voti tal-MEPs.

Mistoqsija mill-ġurnalisti, Roberta Metsola rrigrazzjat lill-MEP tal-PN David Casa kif ukoll lill-MEPs tal-Partit Laburista għaliex “ġejna flimkien bħala pajjiż.”

Il-President tal-Parlament Ewropew saħqet li tħossha onorata u qed tħares ‘il quddiem biex tkompli bil-ħidma tagħha favur kull ċittadin tal-Ewropa fejn se tagħmel dak kollu li tista’ biex issib is-soluzzjonijiet li hemm bżonn. Dan qalitu fost messaġġi b’saħħithom ta’ solidarjetà.

Meta kienet mistoqsija dwar kummenti negattivi li għamlu dwarha esponenti tal-Partit Laburista fl-aħħar snin, Roberta Metsola wasslet messaġġ b’saħħtu ta’ għaqda u qalet bl-aktar mod ċar “Jien inħares ‘il quddiem u mhux lura.”