Lokali Qorti

Żabbari mixli bl-attentat ta’ qtil fuq martu b’formatur

Raġel ta’ 54 sena minn Ħaż-Żabbar ċaħad fil-Qorti li ta daqqiet ta’ formatur u li pprova joqtol lil martu bi skarpellu f’inċident ta’ vjolenza domestika. L-ispetturi Darryl Farr u Sherona Buhagiar, assistiti mill-prosekutur Kaylie Bonett mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qalu lill-maġistrat Rachel Montebello kif fl-14 ta’ Jannar, il-pulizija ta’ Ħaż-Żabbar kienet ġiet infurmata li mara kienet ġiet aggredita b’arma.

Fuq il-post marru uffiċjali u sabuha mal-art imdawra bi tliet irġiel. Tnejn mill-irġiel aktar tard ġew identifikati bħala t-tfal tagħha u r-raġel l-ieħor bħala żewġha. Fil-Qorti ntqal li ttieħdu dikjarazzjonijiet mingħand l-irġiel, bit-tfal jgħidu lill-pulizija li kienu raw lil missierhom jattakka lil ommhom b’formatur.

Huma kienu qalu wkoll li missierhom isofri minn kundizzjoni skizofrenija u għalhekk l-akkużat inizjalment ittieħed l-isptar Monte Carmeli. Il-Maġistrat Ian Farrugia kien mexxa l-inkjesta dwar l-inċident, qal l-ispettur Farr. Wara li ħareġ mill-isptar, l-akkużat ġie mistoqsi mill-pulizija u ma wieġeb għall-ebda mistoqsija, kompla jgħid l-ispettur.

Il-Qorti wissiet lill-imputat li kien qed jiġi akkużat b’reat serju, u infurmatu li kellu d-dritt li jibqa’ sieket u li kull ħaġa li jgħid jista’ jitressaq bħala prova kontrih. L-akkużat, li qal lill-Qorti li kien jaħdem bħala ‘technical officer’, wieġeb mhux ħati.

Kemm il-prosekuzzjoni kif ukoll id-difiża talbu lill-qorti tordna projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-isem tal-akkużat u tal-vittma. Il-Qorti laqgħet minnufih din it-talba fid-dawl tan-natura tal-akkużi u l-każ, billi imponiet projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-isem tal-akkużat u tal-vittma.

Il-Maġistrat Montebello laqgħet ukoll talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni, u spjegat lill-akkużat il-konsegwenzi serji tal-ksur tagħha. F’dan l-istadju ma ntalbitx il-libertà proviżorja. Il-Qorti, fid-dawl ta’ ċertifikat mediku ppreżentat fl-atti tal-każ, irrakkomandat li l-akkużat jinżamm fis-sezzjoni forensika tal-Isptar Monte Karmeli. Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri. Għall-vittma dehru l-avukati Franco Galea u Licia Cordina.