Il-ħidma għal Ewropa magħquda, kif ukoll biex ikomplu jissaħħu l-proġett u l-ideali Ewropej kienu l-qofol tal-messaġġi li ħarġu minn laqgħat bilaterali li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu fost l-oħrajn mal-Viċi President tal-Partit Popolari Ewropew Antonio Tajani u maċ-Chairman tal-Grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew Manfred Weber.
Matul il-laqgħat, ħarġu aktar biċ-ċar l-ideali komuni u simili ħafna li l-Partit Popolari Ewropew għandu mal-Partit Nazzjonalista. Għaldaqstant, il-mexxejja tennew l-impenn li jħarsu ‘l quddiem fil-ħidma tagħhom, anke biex jaraw li jissaħħaħ sehem pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Kemm Antonio Tajani kif ukoll Manfred Weber esprimew is-sodisfazzjon tagħhom ma’ Bernard Grech wara li Roberta Metsola kienet eletta b’vot daqstant qawwi bħala l-President il-ġdid tal-Parlament Ewropew. Dan wara li anke huma tawha l-appoġġ sħiħ u b’saħħtu tagħhom.
Tajani u Weber spjegaw li, bl-appoġġ tagħhom, huma raw u għadhom qed jaraw f’Roberta Metsola l-futur tal-Unjoni Ewropea.
Ftit sigħat wara l-vot b’saħħtu favur l-MEP Maltija eletta f’isem il-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech iltaqa’ wkoll personalment ma’ Roberta Metsola, fejn seta’ jawguralha direttament għal din il-kariga prestiġġjuża li issa bdiet tokkupa.
Matul il-laqgħat, hu kien akkumpanjat minn David Casa, li issa sar il-Kap il-ġdid tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, filwaqt li preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew Simon Busuttil.
//= $special ?>