Lokali

“Il-ħatra ta’ Roberta Metsola messaġġ qawwi ta’ meritokrazija” – UĦM

“Dejjem poġġejt l-interess nazzjonali qabel kollox, ankè meta kien ifisser li tieħu pożizzjoni iebsa”

F’ittra miftuħa ffirmata mill-Kap Eżekuttiv tal-UHM Voice of the Workers Josef Vella , l-union ferħet lil Roberta Metsola għas-suċċess miksub bil-ħatra prestiġjuża ta’ President tal-Parlament Ewropew li hi l-ogħla kariga li qatt kellu xi ċittadin Malti flistituzzjonijiet Ewropej mis-sħubija ta’ Malta fl-2004.

“Il-ħatra tiegħek tibgħat messaġġ qawwi favur il-prinċipju tal-meritokrazija. Is-suċċess miksub ġie wara ħidma politika sfiqa fuq medda ta’ 20 sena li matulhom tlajt l-iskaluni tal-karriera politika bil-mertu tiegħek biss u bis-saħħa tal-appoġġ demokratiku talelettorat.”

Huwa saħaq li fl-istess ħin dejjem poġġiet l-interess nazzjonali qabel kollox, anki meta dan kien ifisser li tieħu pożizzjoni iebsa dwar kwistjonijiet delikati nazzjonali fosthom issaltna tad-dritt, il-korruzzjoni u l-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia.

“Iż-żmien wera li dawk id-deċiżjonijiet ma kienux motivati minn xi ħsieb partiġjan iżda kellhom l-iskop aħħari li jwasslu messaġġ qawwi favur is-sewwa.”

“L-aħbar tal-ħatra tiegħek għandha tkun ta’ xprun biex tibda tissewwa r-reputazzjoni ta’ Malta wara diversi snin li matulhom pajjiżna issemma l-aktar għal raġunijiet xejn sbieħ. J’Alla l-għaqda li rrenjat f’dawn il-jiem qabel in-nomina tiegħek tissokta, għax b’hekk biss Malta tista’ tegħleb l-isfidi kbar li għandha quddiema fosthom dik li ma tibqax fuq il-lista l-griża.”

Bħala union li tirrapreżenta eluf ta’ ħaddiema u li sa mill-bidu nett emmnet fis-sħubija fl-UE, il-UHM Voice of the Workers tħares ’il quddiem biex fis-snin li ġejjin l-UE tkun strument li bih jingħelbu l-isfidi, titħares id-demokrazija u d-drittijiet tal-ħaddiema filwaqt li jitjieb il-livell tal-għajxien.