Internazzjonali

Il-kriżi tal-Ukrajna: Ir-Russja mħeġġa żżomm lura minn invażjoni

IIs-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, sejjaħ biex ir-Russja ‘taqbad it-triq tad-diplomazija’ u tevita l-aggressjoni fil-konfront tal-Ukrajna. Dan meta l-Istati Uniti u l-Punent jinsabu ansjużi dwar il-possibbiltà li l-militar Russu jinvadi lill-Ukrajna bil-ħsieb li jikkontrolla numru ta’ zoni f’dak il-pajjiż.

Hu kkalkulat li għexieren tal-eluf tat-truppi Russi għadhom stazzjonati  qrib il-fruntieri tal-Ukrajna minkejja xi sinjali li l-kriżi ‘bdiet tonqos’ fl-aħħar ġranet.

Intant, is-Segretarju Blinken, waqt żjara fi Kiev (fl-Ukrajna), wissa li r-Russja kapaċi twettaq attakk fuq il-ġar fl-inqas żmien – bl-Istati Uniti twiegħed li għandha żżid l-għajnuna tas-sigurtà lill-Gvern Ukren.

Ir-Russja kompliet tiċħad li għandha pjan biex tinvadi lill-Ukrajna. Dan meta Antony Blinken qed iħejji biex, nhar il-Ġimgħa, jiltaqa’ mal-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov f’Ġinevra ( fl-Iżvizzera). Din il-laqgħa għandha ssir wara taħditiet skedati għal Blinken mal-alleati Ewropej, f’Berlin.

Min-naħa tiegħu, il-White House ta’ Washington qal li kapaċi jirrikorri għal kull miżura fid-dawl tal-kriżi meta r-Russja qed tinsisti biex l-Ukrajna ‘ma tissieħeb qatt fl-Alleanza tan-NATO’. Il-Gvern f’Moska irid ukoll li l-attivitajiet tal-Alleanza ikunu limitati biss għall-Istati-membri tagħha.