Lokali Qorti

Il-Qorti ta’ Għawdex tiftaħ b’urġenza b’raġel jiġi akkużat li ħebb għan-neputi b’minġel

Il-Qorti ta’ Għawdex fetħet b’urġenza ftit wara d-9.00 pm. nhar it-Tlieta fejn raġel ta’ 42 sena residenti ż-Żebbuġ f’Għawdex stess ġie mixli li agredixxa lin-neputi tiegħu b’minġell wara ġlieda familjari li seħħet fejn ir-raba’. Pasqualino Cefai ġie mixli quddiem il-Maġistrat Simone Grech li għall-ħabta tat-3.30pm. ta’ nhar it-Tlieta, 18 ta’ Jannar huwa kkaġuna ġrieħi ħfief fuq in-neputi tiegħu, li heddu u li kkaġunalu biża b’mod li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront tiegħu.

Cefai ġie mixli wkoll li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet mogħtija lilu mill-Qorti u li sar reċidiv. L-Ispettur Bernard C Spiteri li ressaq lil Cefai spjega li din kienet ġlieda familjari fejn wasslet biex Cefai jikkaġuna feriti ħfief fuq it-tifel ta’ ħuh f’idu.

L-Ispettur qal ukol li l-akkużat ikkaġuna ħsara volontarja fuq il-vettura li kien qed isuq l-allegat vittma, li hija propjetà ta’ ommu, li minn naħa tagħha ma xtaqitx li jittieħdu passi dwar dan l-inċident.

Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex tiġi mposta ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, liema talba kienet milqugħa. Id-difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Cefai u fejn huwa qal li din hija purament kwistjoni familjari fejn wieħed jawgura li matul il-proċeduri jagħmlu ħbieb u jieħdu b’idejn xulxin.

L-Avukat Debonbo qal ukoll li l-akkużat kien lest li joqgħod għall-kundizzjonijiet kollha li timponi l-Qorti. Il-Maġistrat Grech laqgħet it-talba fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €7,000. Huwa kien ordnat ukoll li ma joħroġx mid-dar bejn l-10.00pm u s-6.00am u li jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-għassa tal-Pulizija tar-Rabat, Għawdex.

Fl-2015 i-Qorti tal-Appell Kriminali kienet ikkonfermat sentenza ta’ seba’ snin ħabs li ngħatat fi tmiem il-ġuri ta’ Pasqualino Cefai u dan wara appell li kien sar mill-Avukat Ġenerali li kien miċħud.

Cefai li kien akkuzat li ta diversi daqqiet ta’ sikkina lil Josef Portelli f’awla fil-qorti ta’ Għawdex. Huwa kien ghadda ġuri li fih ma nstabx hati ta’ attentat ta’ qtil iżda instab ħati li kkaguna feriti gravi fuq  Portelli.  Il-Qorti  tal-appell caħdet ukoll l-appell tal-istess Cefai kontra s-sentenza.

Sena wara Cefai kellu żieda oħra fil-piena ta’ ħabs  u kien ntbagħat sentejn u erba’ xhur ħabs oħra talli pprova jattakka maġistrat u heddidha fl-awla tagħha. Cefai, instab ħati li hedded u insulenta lill-maġistrat, li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, li rreżista u aggredixxa diversi uffiċjali, weġġa’ kuntistabbli, kiser il-paċi u li dagħa fil-pubbliku.

L-inċident seħħ meta Cefai ħadha kontra l-Maġistrat Miriam Hayman, illum Imħallef, talli semgħet il-provi ppreżentati mill-prosekuzzjoni fin-nuqqas tal-avukat tiegħu, li naqas li jattendi għas-seduta fuq każ li jittratta l-ħlas lura dwar self.

Huwa kien insista li jkun rappreżentat mill-avukat tiegħu u kien mitlub biex jikkalma bosta drabi. Imbagħad “tilifha” meta Hayman ordnat li joħroġ mill-awla, u beda jidgħu u spiċċa jheddidha. Il-pulizija ppruvaw irażżnuh, b’Cefai jaqbad lill-Ispettur Johann Fenech minn għonqu, qattalu l-ingravata u hedded li joqtlu jew iweġġa’ lill-familja tiegħu.

Il-pulizija rnexxielhom jimmanettjawh iżda l-akkużat baqa’ jirreżisti fil-kurituri tal-Qorti. Imbagħad ittieħed fil-lock-up. Minkejja li kkalma fil-lift, reġa’ sar aġitat malli ttieħed fil-lock-up. Huwa weġġa’ ħafif uffiċjal tal-pulizija meta laqtu bil-manetti.