Internazzjonali

Indoneżja: Ħmistax-il sena ħabs dwar it-terrur ta’ Bali

Qorti fl-Indoneżja ikkundannat membru ewlieni ta’ grupp ta’ militanti Iżlamiċi għal 15-il sena ħabs. Dan b’konnessjoni mal-isplużjonijiet terroristiċi storiċi tal-2002 fuq il-gżira ta’ Bali.

Il-qorti f’Jakarta sabet lil Aris Sumarsono —  magħruf ukoll bħala Zulkarnaen – ħati dwar terroriżmu. Dan meta l-imputat kien ilu fuq il-lista tal-aktar nies imfittxija mill-awtoritajiet Indoneżjani minn dakinar stess tal-isplużjonijiet – bl-arrest tiegħu iseħħ f’Diċembru tal-2020

L-isplużjonijiet inkwistjoni kienu qerdu żewġ stabbilimenti tax-xorb ippakkjati bit-turisti, bir-riżultat li mietu 202 persuna minn 21 pajjiż.

Din kienet l-aktar azzjoni terroristika li qatt għaddiet minnha l-Indoneżja – bil-vittmi tal-isplużjonijiet li qerdu l-istabbilimenti ‘Paddy’s Irish Bar’ u s-‘Sari Club’ jinkludu 88 Awstraljani, 38 Indoneżjani u 23 ċittadin Britanniku.

Fl-2008, tliet irġiel fl-Indoneżja ngħataw il-piena tal-mewt għar-rwol tagħhom fl-attakk – bil-pulizija toqtol jew titfa’ il-ħabs lil terroristi oħrajn li ħadu sehem fl-azzjoni.