Lokali

It-Times tgħid li l-Prim Ministru “mhux jammeti r-realtà”

“Il-Prim Ministru Robert Abela, minflok ma jammetti ir-realtà, qed jagħżel li jgħaddas rasu fir-ramel.”

Dan qalu l-editorjal tat-Times of Malta fil-ħarġa tal-Erbgħa, wara li l-Prim Ministru Robert Abela stqarr li fis-sentejn kemm ilu Mexxej Laburista …ma seħħx episodju wieħed li hu wieħed ta’ governanza ħażina.

L-editorjal tat-Times qal li d-diskors ta’ Abela juri li hu determinat li jagħti l-impressjoni li kollox miexi sew, u li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu kif suppost.

Iżda l-Prim Ministru, evidentement, qed jonqos milli jintebaħ bil-konsegwenzi tal-bosta skandli li qed iseħħu quddiemu .. u li ilhom għaddejijn minn żmien il-Prim Ministru ta’ qablu Joseph Muscat.

L-ediorjal jghid li Robert Abela ma jridx jifhem li l-kultura ta’ impunita li kienet tirrenja taħt Joseph Muscat għadha tippresisti sal-lum, bil-Prim Ministru jibqa ċass quddiem dawn l-skandli kollha ….minflok ma jieħu azzjoni.

Jekk wieħed ifakkar biss fid-deal skandaluż tat-tlett Sptarijiet li qed jiswina l-miljuni – dan biss huwa eżempju klassiku ta’ kif il-Gvern falla. Għaliex baqa’ ċass quddiem il-provi li tah l-Awditur Ġenerali.

Naturalment kien hemm diversi skandli oħrajn – dawn jinkludu l-allegazzjonijiet marbuta mal-bejgħ tal-passaporti, id-dubji fir-rigward il-kuntratt tax-Shanghai Electric, il-progett kontroversjali tal-Università Amerikana, l-iskandlu tal-Windfarms fil-Montenegro, u ħafna oħrajn.

Skond l-editorjal tat-Times, Abela dejjem saħaq li dawn seħħew fi żmien ta’ qablu. U dan minkejja li fl-aħħar xhur, kienu diversi l-membri tal-Kabinett u tal-Grupp Parlamentari Laburista illi nstabu li kisru l-istandards fil-ħajja pubblika – fosthom Rosianne Cutajar u Justyne Caruana – u li żammhom fil-Grupp Parlamentari tieghu.

L-editur jinsisti li Robert Abela għandu jaċċetta r-realtà ta madwaru u jaġixxi fuqha, bil-konsegwenzi kollha li din iġġib magħha.