Lokali Qorti

Jitressaq il-Qorti midrub wara li qala’ xeba’ fuq allegat serq ta’ mobiles: “Ma rridx nara persuni f’dan l-istat ” – Il-Qorti

Xena kommoventi fil-Qorti hekk kif tessaq żagħżugħ ta’ 18-il sena midrub, bi ġrieħi f’moħħu, wiċċu u mnieħru. Dan wara li nhar il-Ħadd li għadda allegatament seraq żewġ mobiles u ċorma nies ġrew warajh u wara li qabduh, sawwtuh u rabtuh b’ċintorin u tawh f’idejn il-Pulizija.

L-inċident seħħ ġewwa Paceville wara s-1.00 a.m. bl-akkużat jispiċċa ħdejn vann tal-Pulizija midrub u meta ppruvaw idaħħluh ġewwa dan kien qalilhom li kien bela’ xi pilloli. Hawn il-Pulizija ċemplu għall-ambullanza li ġaditu l-isptar.

Sayfedine Bonavia, residenti San Pawl il-Baħar wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih permezz tal-avukat tiegħu li qal li ma jafx x’laqtu, li ma jafx x’ġara fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu.

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace deheret ukoll kommoventi meta rat is-sura ta’ Bonavia u qalet; “Inħossni disturbata ħafna. Għaliha hija allarmanti li persuna jispiċċa b’dan il-mod. Ħadd m’għandu jispiċċa quddiemi b’dan il-mod u f’dan l-istat. Din m’għandix tieqaf hawn, każ allarmanti, għamel x’għamel mhux il-metodu kif persuna tiġi trattata f’pajjiż ċiviliżżat.”

Il-Maġistrat ħeġġet ukoll biex il-Pulizija ma jieqfux hawn u jkomplu jsegwu l-każ. Sadanittat l-Avukat Daniel Attard li deher għal Bonavia qal li filwaqt li mhux qed jikkontesta l-arrest, tenna li l-klijent tiegħu laqqat xeba’ sew u minkejja li jidher li qed jifhem, ma jiftakar xejn x’għadda minn għalih.

L-Ispettur Brian Xuereb qal minn naħa tiegħu li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija, li staqsietu jekk hux qed jifhem dak li kienu qegħdin jgħidulu. Qabel ma tressaq il-Qorti u l-prosekuzzjoni kellhom diskussjoni fuq il-kundizzkjoni medika tiegħu.

L-Ispettur Xuereb qal lill-Avukat li meta kien qed jagħmillu l-mistoqsijiet kien staqsih kif qed iħossu, u qal li kien qed iħossu tajjeb. Tenna li meta ttieħed l-isptar saru diversi testijiet fuqu, fosthom CT-scan u testijiet tad-demm.

Il-Qorti staqsiet lill-Ispettur Xuereb fuq l-arrest, anke sabiex tara jekk dan huwiex wieħed ġustifikat. L-Ispettur qal li hemm il-provi tas-CCTV Cameras u li fuqu nstab mobile misruq u li persuna oħra kellha l-mobile f’idejha wara li ħarġitu minn baskett imkisser, allegatament l-istess baskett li ħarab bih l-akkużat meta seraq il-mobile.

Wara kien hemm min ġera warajh u qabdu u kien hawn li numru ta’ żgħażagħ spiċċaw jaggreduh. Anke meta l-Pulizija pprovat iddaħħal lill-akkużat fil-vann meta dan qalilhom li kien bela’ xi pilloli, qamet kommossjoni sħiħa.

Qal li waqt din il-kommissjoni kien hemm min beda jallega li Bonavia ipprova jisraq aktar mobiles propjetà ta’ dawk li kienu preżenti. Waqt dan id-diskors kien hemm dagħdiha sħiħa minn dawk preżenti fejn il-vann tal-Pulizija, li kien skjerat fejn il-Burger King. Hawn fejn kien hemm tfajla bil-mobole u tgħid, ‘dan tiegħi kissiruli’.

Il-prosekutur qal li Bonavia għamel xi jumejn fuq police bail minħabba li kien għal kura l-isptar. Tenna li l-akkużat mar l-Għassa ta’ San Ġiljan minn jeddu. Meta kien mistoqsi jekk kellux bżonn xi għajuna medika oħra, huwa wieġeb fin-negattiv.

Li ġara jidher li kien li kien hemm persuna li ratu  jisraq il-handbag tat-tfajla tiegu u mar jiġri warajh u kien hemm ukoll xi nies oħra involuti. Hemm inqala’ l-inkwiet kollu. Iż-żagħżugħ ġie mixli li nhar il-Ħadd li għadda f’San Ġiljan seraq żewġ mobiles, ta’  tfajl u ġuvni ta’ nazzjonalità barranija, liema mobiles jiswew mal-elf ewro il-wieħed.

Sayfedine Bonavia ġie mixli wkoll li għamel ħsara fuq wieħed mill-mobiles li huwa IPhone 10. Huwa ġie mixli wkoll li hedded Surġent u żewġ Kuntustabbli tal-Pulizija, waqt il-qadi ta’ dmirijiethom bil-ħsieb li jbeżżagħhom bil-għan li ma jeżegwux id-dmirijiet tagħhom.

Ġie mixli wkoll li rreżista bi vjolenza fuq it-tliet membri tal-Korp tal-Pulizija u li kien mingħajr maskra skont il-liġi. Bonavia mill-Ispettur Brian Xuereb ġie mixli wkoll li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuq mll-Qorti tal-Maġistrati u li kkommetta reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.

Huwa ġie mixli wkoll li sar reċidiv b’diversi sentenzi tal-Qrati tal-Maġistrati. Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex toħroġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tat-tliet uffiċjali tal-pulizija li allegatament ġew aggrediti mill-akkużat, liema talba kienet milqugħa mill-Qorti. Ma saret l-ebda talba għall-pleġġ u għaldaqstant Bonavia ittieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.