Lokali

Joseph Muscat jiddeskrivi t-tfittxija tal-Pulizija fid-dar tiegħu bħala “teatrin”

“Provaw jumiljawni”.

Hekk iddikjara l-eks Prim Ministru Joseph Muscat wara li l-Pulizija kmieni dalgħodu għamlu tfittxija fir-residenza tal-familja Muscat f’Burmarrad. Dan b’rabta ma’ €60,000 li Joseph Muscat daħħal minn konsulenzi – fl-istess waqt li bħalissa għaddejja inkjesta Maġisterjali.

Joseph Muscat, f’kummenti li ta lit-Times, qal li din it-tfittxija tal-Pulizija kienet “teatrin” f’tentattiv biex hu jiġi umiljat.

Hu spjega li l-Pulizija ħadu file li preparah hu stess f’Novembru li għadda meta feġġet l-istorja dwar l-Accutor AG. Dak iż-żmien, it-Times kienet rabtet din il-konsulenza mal-każ tat-tliet sptarijiet.

Mhux magħruf għaliex Muscat – jekk kellu file mimli provi – x’inhi r-raġuni li żamm dan il-file u d-dokumenti għandu, minflok ħadhom hu stess għand il-Pulizija.

Fit-tfittxija, il-Pulizija ħadu wkoll materjal elettroniku ta’ Michelle Muscat u t-tfal tal-koppja. It-tfittxija saret għall-ħabta tas-7am.

Joseph Muscat qal li issa naqsitlu l-fiduċja f’din l-inkjesta li qed issir.

Muscat qed jgħid li dan il-flus li daħħal mhuwiex relatat ma’ xogħol li għamel f’Malta.

Turija tad-diżgwid intern fil-Labour

ll-Kap tal-PN Bernard Grech stqarr li illum Joseph Muscat reġa’ għamel theddida lil Robert Abela. Hu stess qed jagħti x’jifhem li Abela intervjena mal-pulizija biex jumiljah. Dan wara rejd mill-pulizija li ġie ppjanat biex jaqdi l-interessi elettorali ta’ Robert Abela.

Muscat ammetta hu stess li kellu xhur sħaħ biex jipprepara d-difiża tiegħu.

Il-Kap tal-PN qal illi huwa evidenti li Robert Abela u l-Gvern tiegħu huma aljenati fuq problemi serji interni. Il-Partit Nazzjonalista jawgura li nimxu mit-teatrin tal-Labour għall-governanza serja u ġusta, fejn il-pulizija jitħallew jaħdmu f’serenità.