Lokali Parlament

Konrad Mizzi jirritorna fil-PAC; ma jweġibx jekk hux investigat mill-pulizija

L-ex ministru Laburista Konrad Mizzi reġa’ rritorna fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li qed jinvestiga l-kuntratt tal-Electrogas bl-istess tatttika; dik li jattakka lill-PN u lid-deputati Nazzjonalisti kull darba li dawn jirrimarkawlu nuqqasijiet kbar f’dan il-kuntratt. Hu ma weġibx jekk hux interrogat mill-pulizija.

Din kienet l-ewwel laqgħa tal-PAC għal din is-sena u fiha l-uniku xhud kien Konrad Mizzi li issa kien qed jixhed għat-tielet darba fil-Kumitat.

Id-deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u Ryan Callus rrappreżentaw lill-Oppożizzjoni waqt d-deputati Laburisti Glenn Bedingfield, Jonathan Attard, Alex Muscat u Clayton Bartolo rrappreżentaw lill-Gvern.

Għat-tielet seduta, l-ex ministru Laburista Konrad Mizzi kompla bid-depożizzjoni tiegħu dwar il-kuntratt tal-Electrogas u qal li l-Eletrogas kienet 20% irħas mill-offerti l-oħrajn. Hu sostna li nġiebu prezzijiet irħas mill-prezzijiet tal-enerġija llum.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li minħabba li ddaħħal lis-Socar bħala intermedjarju, l-Electrogas intrabtet li tixtri l-gass mill-Ażerbajġan ikun hemm mark-up ta’€50 miljun li jgħaddu fuq l-Enemalta. Għaliex l-Enemalta ħasset li kellha ddaħħal lis-Socar kiex jixtri l-gass mingħandu u wara tgħaddih lill-Electrogas?, staqsa Beppe Fenech Adami, li staqsa wkoll għaliex kien hemm dawn l-intermedjarji kollha. F’sentejn l-poplu tħallas iktar minn €100 miljun.

L-ex ministru Mizzi qal li l-gvern ma daħalx minn fejn l-Electrogas se tixtri l-gass u sostna li l-artiklu li kien pubblikat f’The Guardian ma kienx korrett minkejja li “bgħatnilhom 20 paġna informazzjoni”.

F’kummenti bejn Beppe Fenech Adami u Konrad Mizzi ssemmiet l-Air Malta fejn l-ex ministru Mizzi reġa’ sostna li fi żmien fl-2019, l-Air Malta m’għamlitx telf u sena wara għamlet profitt ta’ €100 miljun.

“Jien qatt ma mort għand il-Pilatus Bank iżda meta mort Ta’ Xbiex mort għand Shangai Electric…jien qatt ma kelli kont il-Pilatus Bank…kelli kumpanija l-Panama iżda mhux kont…ħadd ma kien qed jippjana li jaqla’ xejn…jien ma rċevejt xejn mingħand ħadd…m’hu se ssibu l-ebda provi fuqi għax ma jeżistux…time will tell…jien għadni membru tal-parlament…jien m’għamilt xejn ħażin…il-problema tal-pajjiż hi l-Oppożizzjoni…nawgura lill-gvern Laburista jibqa’ jagħmel suċċess fuq ieħor kif se jagħmel

Konrad Mizzi attakka lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, lil David Thake, lis-Sindku tan-Naxxar “għax kunjoma Fenech Adami”. Hu attakka lill-familja Fenech Adami, inkluż lill-ex Prim Ministru Eddie Fenech Adami u familjari oħra tal-familja Fenech Adami.

“It-track-record tiegħi…jien għandi partit għax ma rridx lilkom fil-Gvern” sostna Konrad Mizzi għal kummenti ta’ Ryan Callus. Hu qal li grazzi għal dan il-proġett, Malta llum għandha d-dawl kullimkien u qal li l-Gvern Nazzjonalista ma kienx kapaċi jlesti l-interconnector. “Il-verità għad trid toħroġ”, sostna Konrad Mizzi li kompla li attakka wkoll lid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.

Konrad Mizzi ddefenda l-kuntratti tal-Electrogas u tal-isptarijiet u qal li l-NAO ma sabx li kien hemm korruzzjoni. Hu ċaħad li l-ġimgħa li għaddiet ipprova jċempel lill-Prim Ministru Robert Abela u ma rrispondiex jekk kienx ta l-password tal-mobile tiegħu lill-pulizija. Il-pulizija kellmuk fuq Musayev u fuq xi bagalja? Tak bagalja kannella Musayev? staqsew id-deputati Nazzjonalisti lil Konrad Mizzi li ma riedx jagħti informazzjoni jekk kien interrogat mill-pulizija. Hu qal li dejjem ħadem taħt id-direzzjoni tal-Prim Ministru (Joseph Muscat) u l-Kabinet Laburista u sostna li l-MOU ta’ Vitals ma kienx involut fih u kien involut biss flimkien ma’ Chris Fearne.