Internazzjonali

Korea ta’ Fuq: L-aħħar provi tal-missili x’aktarx li kienu ‘messaġġ’ għall-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel

Il-Korea ta’ Fuq komunista qed taħseb biex twassal ‘messaġġ qawwi’ lill-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel li għad fadlilha l-kapaċità biex tibdel il-bilanċ tal-poter — flimkien mas-sitwazzjoni militari — fil-penisola Koreana u r-reġjun partikulari.

Il-Koreani komunisti, aktar kmieni fix-xahar, komplew bil-provi tal-armamenti fost indikazzjonijiet li r-reġim fi Pyongyang qed jaħseb biex jiżviluppa ‘tip ġdid ta’ sistema tal-armi’. L-istrateġija ta’ Pyongyang, intant, tidher li hi intiża għall-iżvilupp ta’ missili bil-kapaċità li jippenetraw l-aktar sistemi ta’ difiża sofistikati tal-‘Istati avversarji’.

Min-naħa tagħha, il-Korea komunista kkonfermat li, issa, wettqet ir-raba’ prova għall-missili mill-bidu tas-sena ‘il hawn. L-aġir ta’ Pyongyang jista’ jistqies ukoll bħala ‘espressjoni ta’ rabja’ wara li l-Istati Uniti imponiet aktar sanzjonijiet għall-personalitajiet ewlenin bir-rabtiet u konessjonijiet mar-reġim li qed imexxi lill-Korea ta’ Fuq.

Il-militar tal-Korea t’Isfel – li qed isegwi b’attenzjoni l-azzjonijiet tal-ġar komunista – ikkonferma li, fil-bidu tal-ġimgħa, talanqas żewġ missili ballistiċi (sparati mill-Korea ta’ Fuq) dehru neżlin fil-baħar, fost indikazzjonijiet ta’ spinta fil-provi militari tal-komunisti.

Il-provi qed isiru wkoll meta l-Korea ta’ Fuq qed tipprova tlaħħaq ma’ problemi kbar minn aspett soċjali u ekonomiku u li qed jirrendu l-aġir ta’ Pyongyang bħala imprevedibbli.

Iċ-Ċina – alleata kbira ta’  Pyongyang – qed tgħid, issa, li hemm ‘diversi raġunijiet’ għalfejn il-Korea ta’ Fuq qed tkompli bil-provokazzjonijiet permezz tal-provi bil-missili ballistiċi.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Beijing, madankollu, ma speċifikax ‘ir-raġunijiet’ – u meta ċ-Ċina wkoll qed issegwi b’attenzjoni l-iżviluppi fil-penisola Koreana. Sadanittant, Beijing qed iħeġġeġ lill-partijiet (pajjiżi) interessati biex jidħlu fi djalogu fejn jistgħu jkattru l-proċess tan-negozjati lejn il-paċi u s-sigurtà fir-reġjun.