Lokali

L-MDA tifraħ lil Roberta Metsola wara l-vot qawwi tal-bieraħ

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA) ferħet lil Roberta Metsola wara l-vot qawwi li kisbet biex ġiet eletta bħala President tal-Parlament Ewropew.

L-MDA qalet li hu unur kbir għal gżira żgħira bħal tagħna, kif ukoll għall-poplu kollu, li waħda mill-Membri Parlamentari Ewropej tagħna intgħażlet għall-kariga b’maġġoranza daqstant qawwija ta’ voti minn fost l-MEPs tal-Istati Membri u mill-gruppi politiċi kollha.

L-Assoċjazzjoni kompliet li hi kuntenta wkoll li anke l-Gvern laqa’ din l-aħbar, fejn awgurat li dan jgħin liż-żewġ partiti politiċi jaħdmu bi front komuni għall-ġid tal-pajjiż, tal-poplu u anke tal-kummerċ.

L-MDA tenniet li l-pożizzjoni prestiġġjuża ta’ Roberta Metsola fil-Parlament Ewropew hu ta’ unur għaliha u għal Malta, filwaqt li tittama li din issaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea u mal-Istati Membri l-oħrajn.