Lokali

L-MUMN tappella għar-riżenja tas-Segretarju Permanenti tas-Saħħa Joe Rapa

“Il-ħaddiema ilhom jiġu injorati aktar minn sentejn, mingħajr ebda raġuni” – Paul Pace

Il-ħaddiema qed isofru inġustizzja kbira, qed issir diskriminazzjoni bejn impjegati li jaħdmu spalla ma’ spalla ma’ xulxin. Il-Gvern ma jistax jibqa’ jinjora l-appelli ta’ dawn it-tekniċi li jahdmu fl-Isptar Mater Dei li jridu dak li huwa dovut lilhom bi dritt.

Sostna dan il-President tal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel Paul Pace f’konferenza tal-aħbarijiet li ġiet indirizzata quddiem il-Ministeru tas-Saħħa fejn appella wkoll għar-riżenja tas-Segretarju Permanenti tal-Ministru Fearne, Joe Rapa.

Ġie spjegat li numru ta’ ħaddiema li jaħdmu fuq makkinarju li jservi ta’ life support ilhom mill-2019 jappellaw sabiex jingħataw €2,500 allowance fis-sena f’dak li kien maqbul fi ftehim settorjali bejn il-Ministeru…iffirmat minn Joe Rapa kif ukoll mill-UHM Voice of the Workers. Madanakollu, wara aktar minn sentejn … diversi ħaddiema għadhom ma rawx ċenteżmu minkejja li huma ntitolati għal ħlas.

L-MUMN insistiet li filwaqt li dawn il-ħaddiema mhux jingħataw flushom li huma tagħhom bi dritt; għal ħaddieħor l-eluf qiegħdin hemm. Dan hekk kif ġie spjegat li ħaddiema ta’ kuntratturi privati li jagħmlu l-istess xogħol qed jitħallsu l-eluf ta’ ewro.

Paul Pace insista li filwaqt li dawn il-ħaddiema qed jibqgħu jiġu injorati mill-Gvern, Steward Healthcare jibqa’ jaqla’ l-miljuni.

Huwa saħaq li ta’ Steward mhux l-unika skandlu fis-settur tas-Saħħa f’pajjiżna u li l-eroj tal-pandemija ma jiklux biċ-ċapċip u l-midalji ta’ rikonoxximent, iżda b’dak li huwa dovut lilhom bi dritt. …u ma jistax ikun jibqgħu jiġu injorati inkluż mill-Ministru Fearne.

Intant is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN Colin Galea appella sabiex issir ġustizzja ma’ dawn l-impjegati.

L-MUMN qed tghid li Joe Rapa… minflok  jissavagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema… qed jagħżel li jinjorahom għal kollox. Is-Segretarju Permanenti tas-Saħħa Joe Rapa  huwa l-istess persuna li ma weġibx ċar u tond lil Net News dwar il-kuntratt ta’ €13,000 fix-xahar li ngħata lil Campaign Manager u Chief of Staff ta’ Chris Fearne, Carmen Ciantar, meta nħatret bħala Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi.