Futbol Sport

Máxuell ta’ Gżira United hu r-rebbieħ tal-IZIBET Plejer tax-Xahar għal Novembru

Máxuell rebbieħ tal-IZIBET Plejer tax-Xahar għal Novembru 2021

Il-Brażiljan ta’ Gzira United Football Club, Máxuell Maia hu r-rebbieħ tal-IZIBET Plejer tax-Xahar għal Novembru 2021, mogħti minn Replay. Maxuell u t-tielet rebbieħ ta’ dan l-unur għal dan l-istaġun, wara li fix-xahrejn ta’ qabel, ir-rebbieħa kienu Jake Grech ta’ Hibernians F.C. u Arthur Oyama ta’ Hamrun Spartans Football Club.

Il-presentazzjoni ta’ dan l-unur għal Novembru, saret illum, l-Erbgħa, f’wieħed mid-diversi ħwienet ta’ IZIBET, u li huma mifruxa f’diversi lokalitajiet f’Malta u anke f’Għawdex. Preżenti għal din il-presentazzjoni għan-nom ta’ IZI Group PLC, kien hemm is-Sur Mark Muscat, fir-rwol ta’ HR & Administration Manager tal-kumpanija.

Máxuell jiċċelebra wieħed mit-tliet gowls li skorja fiż-żewġ partiti li lagħab f’Novembru li għadda ma’ Gżira United.

Máxuell kien il-magħżul ta’ Replay għal dan l-unur wara li fix-xahar ta’ Novembru, intlagħbu biss żewġ match days tal-Kampjonat Premier, minħabba li fil-bidu tax-xahar kien hemm l-impenji tat-timijiet nazzjonali Maltin. L-attakkant ta’ 30 sena, skorja tliet darbiet fiż-żewġ partiti li lagħbu Gżira fil-Kampjonat, l-ewwel fid-dro ta’ 2-2 kontra Mosta FC u żewġ gowls fir-rebħa ta’ 3-2 kontra Gudja United FC.

Iżda t-tim tal-għażla ta’ Replay, li ta’ kull xahar jixtar bir-reqqa l-prestazzjonijiet ta’ kull plejer, waqt li jagħti valur għall-istatistika li tinġabar wara kull partita dwar kull plejer li jkun lagħab, għażel lill-eks plejer ta’ Santa Lucia F.C. u Sirens FC f’Malta, Máxuell bħala r-rebbieħ għall-unur tal-aqwa plejer tax-xahar għal Novembru.

Matul iż-żewġ partiti fl-imsemmi xahar, Máxuell kien wieħed mill-attakkanti l-aktar attivi u li lagħbu fil-Kampjonat Premier, fejn fid-darbtejn lagħab id-90 minuta sħaħ. Apparti li skorja tliet gowls, l-istatistika miġbura turi li l-attakkant ta’ Gzira United Football Club, kien l-aktar plejer u attakkant enerġetiku fil-fażi offensiva, b’numru kbir ta’ ċansijiet ta’ skor u konklużżjonijiet lejn il-lasta.

Fil-fatt, fiż-żewġ partiti tax-xahar, dawk ta’ kontra Mosta u Gudja United, Máxuell ikkonkluda lejn il-lasta f’sebgħa okkazzjonijiet, b’ħamsa minn dawn kienu konklużżjonijiet li spiċċaw fil-lasta. Tlieta minn dawn il-ħames azzjonijiet, issarfu f’gowls.Il-bieraħ it-Tlieta, fl-ewwel partita tal-2022, Máxuell skorja wieħed mit-tliet gowls ta’ Gzira United fir-rebħa ta’ 3-1 kontra Sliema Wanderers FC, biex b’hekk l-ammont ta’ gowls li skorja s’issa f’dan l-istaġun fil-Kampjonat hu ta’ tmienja. Preżentament, Maxuell jinsab fl-ewwel post fil-lista ta’ l-aqwa skorers tal-Kampjonat, flimkien ma’ żewġ plejers oħra ta’ Hibernians F.C., Jake Grech u Jurgen Degabriele.

Fil-programmi Replay, fil-jiem li ġejjin, se nkunu qed inxandru servizz speċjali dwar ir-rebħ ta’ dan l-unur, b’intervista ma’ Máxuell.