Qorti

Ordni ta’ probation u multa talli hedded lill-eks tfajla tiegħu

Ġuvni ta’ 22 sena residenti l-Ħamrun tpoġġa taħt ordni ta’ probation għall-perjodu ta’ sentejn u ġie mmultat €500 wara li ammetta li hedded lill-eks tfajla tiegħu b’telefonati minn fuq il-mobile. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia semgħet kif il-ġuvni li ismu mhux qed jissemma biex tiġi protetta l-identità tal-vittma ammetta li wettaq dan ir-reat għax ħadha bi kbira li hija ma rieditx tkompli fir-relazzjoni li kellha miegħu.

Huwa ammetta li wettaq dan ir-reat fid-9 ta’ Awwissu 2021 bil-Qorti taqbel mat-teżi tal-prosekuzzjoni u d-difiża qablu li ma jintbagħatx il-ħabs imma jitpoġġa taħt probation. Il-Qorti qalet li minkejja li l-vjolenza domestika hija kundannabbli ma tħoss li għandu jiġi kundannat piena karċerarja. Ingħatat kunsiderazzjoni fil-piena tal-ammissjoni bikrija tiegħu u anke għall-fatt li għandu kondotta nadifa.

Il-Qorti qalet ukoll li trid tara mhux biss l-aspett riformattiv ta’ l-imputat iżda trid ssib bilanċ bejn il-gravità  tal-kaz u l-ħarsien u l-interessi tal-vittmi tar-reat u s-socjeta’ in generali sabiex tara li dan ir-reat ma jerġax jigi kommess kif ukoll tagħti l-harsien meħtieġa lill-pubbliku u dan fid-dawl taċ-ċirkostanzi ta’ kif seħħ il-kaz. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman.