Lokali

AĠĠORNATA: Rapporti jiżvelaw li Karl Stagno Navarra għadu qed jinżamm bil-kuntratt li kellu mal-AirMalta

Aqra wkoll ir-reazzjoni ta' Stagno Navarra fuq il-Facebook tiegħu

Filwaqt li l-Gvern keċċa nofs il-ħaddiema tal-AirMalta, il-preżentatur tal-media Laburista Karl Stagno Navarra inżamm fuq il-kotba tal-kumpanija.

Dan żvelah dalgħodu s-sit elettroniku LovinMalta wara kuntatt li għamel ma’ Stagno Navarra innifsu.

Filwaqt li kelliem għall-AirMalta kkonferma li l-preżentatur tal-media Laburista inżamm bil-kuntratt li kellu, Stagno Navarra ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-ġurnalist tal-media indipendenti. U insista li hu mhuwiex il-problema tal-AirMalta.

Wara li ħarġet l-istorja, Stagno Navarra kiteb hekk: “tajt struzzjonijiet lill-avukati tieghi biex jifthu kawza ta’ libell għad-danni. Dan hu rappurtaġġ malizzjuż u rresponsabbli.”

LovinMalta qed tgħid li Stagno Navarra qed idaħħal f’butu ċ-ċifra spettakolari ta’ €90,000 – xi ħaġa li hu qed jiċħad b’saħħa. Dan fl-istess waqt li inżamm imexxi programm ta’ propaganda kuljum fuq l-istazzjon laburista. Żgur li Stagno Navarra għandu paga bażika li tibda minn €40,000 – xi ħaġa li lanqas hu stess ma ċaħad meta kien affaċjat xhur ilu bid-domandi ta’ Net News.

L-AirMalta minn naħa tagħha qed tgħid li l-kuntratt tiegħu huwa simili għal dawk il-persuni fil-kumpanija li jokkupaw grad simili.