Lokali

Repubblika tippreżenta Rapport Formali lill-Kummisarju biex ikunu investigati l-Uffiċjali tal-Pilatus

Minkejja li għaddiet kważi sena minn meta l-Pulizija rċeviet ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia – li inkludiet ir-rakkomandazzjoni li jitressqu għadd ta’ Uffiċjali tal-Bank Pilatus – s’issa ħadd minn dawn ma għadu tressaq quddiem il-Qorti.

Fid-dawl ta’ dan, l-organizzazzjoni Repubblika ppreżentat Rapport Formali lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà biex titolbu jagħmel xogħolu u jiggwida lill-Korp biex jarrestaw lil dawn il-persuni.

Dan ħareġ matul konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-President tal-organizzazzjoni, Robert Aquilina, li nnota kif, ladarba kważi l-Uffiċjali kollha tal-Pilatus jinsabu barra l-pajjiż, dawn kellhom jinġiebu Malta biex issir ġustizzja. Madankollu, jidher li l-Mandati ta’ Arrest qatt ma nħarġu.

Aquilina fakkar kif l-Inkjesta Pubblika swiet lill-pajjiż €7.5 miljuni u, fil-konfront tal-Uffiċjali tal-Pilatus, hemm akkużi serji ħafna. Madankollu, il-Pulizija s’issa arrestat biss lill-Moneylaundering Reporting Officer tal-Bank.

Għaldaqstant, fir-Rapport Formali tagħha, Repubblika elenkat il-persuni li wkoll għandhom jitressqu l-Qorti wara dak li rriżulta mill-Inkjesta, fosthom lil sid il-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad u liċ-Chief Risk Officer Antoniella Gauci, li meta Daphne Caruana Galizia kienet żvelat l-istorja dwar il-kumpanija sigrieta Egrant, dehru ħerġin flimkien mill-uffiċċji tal-Bank bil-moħbi.

Uffiċjali oħrajn tal-Bank huma l-Operations Supervisor, is-Segretarju tal-Bord u diversi Diretturi. Iżda kemm it-tmexxija tal-Korp kif ukoll l-Avukat Ġenerali qed jagħżlu li jkaxkru saqajhom.

Il-President ta’ Repubblika spjega li dan l-aġir mhu xejn ħlief kattiverja fil-konfront tal-poplu Malti u Għawdxi kollu għax huma n-negozji, il-ħaddiema, iż-żgħażagħ u t-tfal tagħna li qed ibatu minħabba li pajjiżna qed jitħalla fuq il-lista l-griża.

Sadanittant, Robert Aquilina fakkar ukoll kif, f’Novembru li għadda, kien ippreżentat Rapport Formali ieħor lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u lid-Deputat Kummissarju Alexandra Mamo biex ikun investigat ukoll l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Dan wara li kien żveat li Muscat ħa għexieren ta’ eluf ta’ ewro minn kumpanija Żvizzera li kienet irċeviet il-miljuni mill-ftehim tat-tliet Sptarijiet Pubbliċi, li spiċċaw ittieħdu mill-poplu Malti biex ingħaddew lill-privat.

Dwar dan il-każ, żewġ eks Diretturi tal-kumpanija kienu qalu li lesti jikkollaboraw mal-Pulizija Maltija. Iżda minħabba li dawn jinsabu fir-Renju Unit, Repubblika kienet appellat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jitwaqqaf Tim Investigattiv Konġunt bejn iż-żewġ pajjiżi ħalli l-Pulizija Maltija tkun tista’ titkellem malajr kemm jista’ jkun magħhom.

Iżda, ladarba s’issa baqa’ ma rriżulta xejn pubblikament dwar dan kollu, Repubblika staqsiet jekk dan it-Tim Konġunt twaqqafx u jekk sarx kuntatt maż-żewġ eks Diretturi tal-kumpanija Żvizzera.

Filwaqt li tenna li l-organizzazzjoni għadha qed tistenna li jittieħdu passi dwar il-ftehim tal-Isptarijiet u fil-konfront ta’ tliet eks Ministri – Chris Cardona, Edward Scicluna u Konrad Mizzi – Robert Aquilina temm li jinsabu determinati li jagħmlu dak kollu li hu meħtieġ biex pajjiżna jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba.