Lokali

Robert Abela jispiċċa jattakka lill-istituzzjonijiet wara li ġie mhedded minn Muscat

Toħroġ fil-beraħ il-kriżi fil-Labour

Barra l-bini tal-Parlament, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela reġa’ wera biċ-ċar li qed ibaxxi rasu għal Joseph Muscat wara dak li seħħ aktar kmieni illum b’rabta ma’ akkużi serjissimi marbuta ma’ eluf li l-istess Muscat daħħal minn konsulenzi.

Il-Prim Ministru spiċċa wkoll jattakka b’mod apert lill-Pulizija li elevaw materjal elettroniku mid-dar tal-familja Muscat f’Burmarrad. F’kummenti lill-media, Abela qal li “l-istutuzzjonijiet għandhom joqgħodu attenti li jħarsu l-fiduċja li ġew mogħtija mill-Gvern”, b’analisti politiċi jgħidu li din mhi xejn għajr theddida fuq l-investigaturi u l-ġudikatura.

Intant, Abela kien mistoqsi wkoll mill-MaltaToday jekk wara r-raid tal-Pulizija għamilx kuntatt ma’ Joseph Muscat. Bil-Prim Ministru jgħid illi ma kellmux.

Mistoqsi wkoll jekk Muscat hux se jikkontesta l-elezzjoni li jmiss…Abela għażel li ma jweġibx.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat, f’kummenti li ta lit-Times, qal li din it-tfittxija tal-Pulizija fid-dar tiegħu kienet “teatrin” f’tentattiv biex hu jiġi umiljat.

Hu spjega li l-Pulizija ħadu file li preparah hu stess f’Novembru li għadda meta feġġet l-istorja dwar l-Accutor AG. Dak iż-żmien, it-Times kienet rabtet din il-konsulenza mal-każ tat-tliet sptarijiet.

Mhux magħruf għaliex Muscat – jekk kellu file mimli provi – x’inhi r-raġuni li żamm dan il-file u d-dokumenti għandu, minflok ħadhom hu stess għand il-Pulizija.

Fit-tfittxija, il-Pulizija ħadu wkoll materjal elettroniku ta’ Michelle Muscat u t-tfal tal-koppja. It-tfittxija saret għall-ħabta tas-7am.