Internazzjonali

Belt tal-Vatikan: Rapport jallega li l-Papa Emeritu Benedittu naqas milli jikkonfronta l-abbużi

Investigazzjoni li qed issir fil-Ġermanja allegat li l-Papa Emeritu Benedittu XVI naqas milli jieħu passi xierqa dwar erba’ każi ta’ abbuż fil-konfront ta’ minorenni fiż-żmien meta hu kien għadu l-Arċisqof ta’ Munich.

L-inkjesta qed tikkonċentra fuq ‘l-aġir tal-Knisja Kattolika fiż-żmien partikulari’, bil-Papa Emeritu – dak iż-żmien magħruf bħala Josef Ratzinger u li żamm il-pożizzjoni ta’ Arċisqof mill-1977 sal-1982 – qed jiċħad għall-akkużi.

Intant, qed jidher li l-eks Papa Ġermaniż spiċċa inkriminat fir-rapport ġdid dwar l-allegazzjonijiet tal-abbuż li mexxiet kumpannija tal-liġi fil-Ġermanja. L-allegazzjonijiet, fil-fatt, qed jgħidu li l-abbuż kompla fiż-żmien meta Ratzinger kien l-Isqof ta’ Munich u li l-qassisin akkużati kienu baqgħu attivi fir-rwoli ekklesjastiki rispettivi.

Il-Papa Emeritu, li llum għandu 94 sena, fl-2013 kien sar l-ewwel Kap tal-Knisja li rriżenja f’aktar minn 600 sena. Hu, dak iż-żmien, tenna li kien qed iwarrab minħabba li ħassu eżawrit – u minn dak iż-żmien baqa’ jgħix ħajja kwieta u ‘il bogħod mill-kameras fil-Belt tal-Vatikan.

Ir-rapport ġdid mill-kumpanija tal-liġi Westpfahl Spilker Wastl kien ikkummissjonat mill-Knisja Kattolika.

Sadanittant, il-Papa Emeritus hu rappurtat li għadda għexieren ta’ paġni bit-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-investigaturi u li fihom tenna l-appoġġ għall-inkjesta. Madankollu hu ċaħad kwalunkwe għarfien dwar l-allegati abbużi u li seta’ naqas minn azzjoni f’sitwazzjoni li kienet tirrikjeda passi sodi u konkreti.

Hu minnu, intant, li r-rapport jinkludi l-minuti li jissuġġerixxu li l-Papa Emeritus kien preżenti waqt laqgħa li fiha kien diskuss dan is-suġġett delikat. Min-naħa tiegħu, il-Vatikan qal, fi stqarrija, li għandu jeżamina d-dettalji tar-rapport ladarba jkun ippubblikat.