Internazzjonali

Covid-19: Spanja tieħu l-inizjattiva biex il-virus jibda jkun ittrattat bħall-influwenza

L-awtoritajiet fi Spanja qed jinsistu bis-sejħa biex il-Gvernijiet jibdew jittrattaw il-Covid-19 bħal kwalunkwe infezzjoni ‘tax-xitwa’ li tinfetta n-nifs u li jinkludu l-influwenza staġjonali.

Dan minkejja li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed twissi li għexieren ta’ eluf oħra kapaċi jispiċċaw infettati bil-Covid u l-varjanti tiegħu sa nofs Marzu – bl-Organizzazzjoni qed tgħid ukoll li t-tip ta’ atteġġjament li qed tipproponi Spanja għadha prematura fiċ-ċirkustanzi.

Id-diskussjoni dwar ‘il-klassifikazzjoni ġdida’ tal-Covid intensifikat meta l-Gvernijiet u l-popli madwar id-dinja huma ddisprati għat-tmiem tal-pandemija.

Il-Ministru tas-Saħħa ta’ Spanja, Carolina Darias, qalet li pajjiżha tixtieq li tmexxi d-dibattitu dwar ‘ir-reklassifikazzjoni tal-Covid’ minħabba n-neċessità għal dan il-pass u għaliex dan hu ż-żmien adatt. Darias anki talbet liċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Mard (ECDC) biex jistsudja ‘strateġiji ġodda’ fit-trattament u l-kontroll tal-Covid.

Spanja tinsab f’pożizzjoni tajba biex tiftaħ id-dibattitu peress li għandha waħda mill-aktar rati għoljin ta’ vaċċinazzjoni fid-dinja. Madankollu l-impenn lejn il-klassifikazzjoni tal-Covid fuq l-istess livell tal-influwenza qanqal id-diżgwid bejn il-Gvernijiet li qed ifittxu n-normalità. Anki hemm entitajiet tal-komunità medika li għadhom jinsistu għall-massimu tal-kawtela, fiċ-ċirkustanzi.

Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez qal, intant, li pajjiżu qed jaħdem ‘id f’id’ mal-komunità xjentifika biex, ‘il quddiem, jaqleb ‘minn sitwazzjoni ta’ pandemija għal sitwazzjoni fejn il-Covid jibda jitqies bħala marda endemika – dejjem bl-approvazzjoni tax-xjenza medika’.

Għalkemm il-varjant Omicron tal-Covid xpruna mewġa ta’ infezzjonijiet, Spanja hi fost il-pajjiżi li rappurtaw anqas imwiet u rati anqas ta’ nies infettati li jeħtieġu trattament l-isptar. Dan ukoll meta numru ta’ Gvernijiet oħra qed inaqqsu r-restrizzjonijiet u l-kontrolli mal-fruntiera, fost tamiet ġodda li d-dinja setgħet għaddiet mill-agħar tal-pandemija.

Intant, Spanja — skont ir-rakkmandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea – ħabbret li, mill-Ewwel ta’ Frar, se jkunu rikonoxxuti biss iċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni kontra l-Covid li jindikaw li persuna tkun ingħatat it-tilqima sħiħa kontra l-virus ‘fi ħdan l-aħħar 270 jum’.