Ekonomija Lokali Turiżmu

“Ejjew naħdmu flimkien biex ma nitilfux l-Air Malta” – Bernard Grech

Ritratt: Matthew Tabone

“Irridu naraw kif se nimxu ‘l quddiem… Ejjew naħdmu flimkien biex ma nitilfux l-Air Malta” – Hekk saħaq il-Kap tal-PN Bernard Grech f’laqgħa mal-unions u l-ħaddiema tal-Air Malta.. ftit jiem biss wara li semgħu bl-aħbar li l-Gvern Laburista se jkeċċi nofs il-ħaddiema. “Aħna ħassejna li għandna niltaqgħu magħhom anke għaliex huma xtaqu li jkun hemm partit li jismagħhom sewwa u jifhem x’inhuma d-diffikultajiet tagħhom biex naraw kif verament nistgħu insalvaw l-Air Malta.”Bernard Grech saħaq li l-PN għandu l-impenn politku li jaħdem biex ma nitilfux il-linja nazzjonali għaliex jekk jiġri hekk, ibati l-pajjiż, il-ħaddiema, il-poplu u s-settur tat-turiżmu.

Il-Kap tal- PN saħaq li “Għandna obbligu li nisimgħu, nagħtu każ u naraw x’inhuma d-diffikultajiet biex insibu is-soluzzjonijiet biex nimxu ‘lquddiem.” Waqt il-laqgħa, Bernard Grech fakkar li l-PN kellu pjan għall-Air Malta, pjan li beda jaħdem imma fakkar f’dak li qalilna l-Ministru Clyde Caruana li l-Gvern Laburista sfortunatament beda jabbanduna dan il-pjan mill-2013. “Dak ifisser li ahna rridu nħarrsu lejn dak il-pjan u naraw bir-realtajiet tal-lum kif nistgħu tassew inkunu alternattiva biex anke f’din is-sitwazzjoni nserrħu ras il-ħaddiema u l-familji tal-Air Malta li hemm futur għalihom għaliex dan il-pajjiż għandu bżonn l-Air Malta u għandu bżonn il-ħaddiema.”

Intant, meta kien qed jindirizza lill-Unions u l-ħaddiem, Bernard Grech saħaq li din sitwazzjoni trid tissolva mill-aktar fis possbbili “għaliex għandna l-obbligu li mhux biss naraw ix-xogħol imma l-imħabba li dawn il-ħaddiema kellhom lejn ix-xogħol tagħhom. Bernard Grech stqarr bl-aktar mod ċar li “ma nistgħux nitilfu l-Air Malta għaliex hija bandiera importanti għal pajjiżna u indispensabbli fuq diversi livelli tal-ekonomija tagħna. Preżenti għal din il-laqgħa f’isem il-Partit Nazzjonalista kien hemm il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo, id-Deputati Mario DeMarco u Claudio Grech, u l-kandidati Ivan Castillo u John Baptist Camilleri.