Ekonomija Lokali

Ikompli jiżdied il-piż tal-għoli tal-ħajja

Matul ix-xahar ta’ Diċembru reġa’ kellna żieda fil-prezzijiet ta’ diversi prodotti; żieda li wasslet biex l-inflazzjoni kompliet tiżdied.

Dan kien konfermat minn ċifri uffiċjali maħruġa illum mill-NSO, li juru xejra kostanti ta’ żidiet fil-prezzijiet ta’ diversi prodotti li ilha sejra għal sena sħiħa.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, ir-rata tal-inflazzjoni f’Diċembru kienet ta’ 2.6 fil-mija. Bl-informazzjoni maħruġa mill-grafika tal-istess NSO turi kif splodiet il-ħajja fl-aħħar 12-il xahar. Fil-fatt, iż-żidiet kostanti ilhom jiġu nnutati sa minn Frar illi għadda.

Fost il-prodotti bażiċi li żdiedu fil-prezz tul dan il-perijodu kien hemm il-ħobż u l-ħalib lokali. Żdiedu wkoll ħafna prodotti mediċinali, u prodotti tal-ħasil u iġene personali.

Skont l-NSO, l-akbar żidiet fl-indiċi tal-prezzijiet kienu innutati fost prodotti tal-ikel u xorb mhux alkoħoliku.