Lokali Qorti

Offra biex lil martu joħorġilha l-flus għall-pleġġ wara li sawwtitu u qalet li stupraha

Mara mill-kontinent Afrikan ta’ 36 sena ġiet mixlija fil-Qorti li wara li hija sawwtet lir-raġel tagħha, li ġej mill-istess pajjiż u li tagħtu daqqiet ta’ lembuba, taġen u li xerrdet kitla bil-misħun fuqu, spiċċat biex għamlet rapport falz mal-Pulizija fejn qaltilhom li żewġha kien stupraha. Il-koppja tgħix San Pawl il-Baħar.

L-Ispettur Eman Hayman li ressaq lil mara qal li l-Pulizija għandhom filmati ta’ 18-il minuta kontinwi fejn fihom tidher il-mara ssawwat lil żewġha b’mod brutali quddiem iż-żewġ uliedhom. Il-mara ingħatata il-pleġġ iżda ma kellhiex flus fuqha biex tħallas €1,000 bħala depożitu. Ironikament kien ir-raġel tagħha, preżenti fl-awla li offra biex joħroġ barra mill-Qorti biex iġib €1,000, u dan ħalli martu ma tispiċċax il-ħabs.

Il-mara ġiet mixlija wkoll li ppruvat tweġġa’ gravi lil żewġha, li kellha l-intenzjoni li tikkaġunalu feriti gravi, liema reat ma seħħx minħabba xi ħaġa aċċidentali u ndipendenti mill-volontà tagħha. Ġiet akkużata wkoll li kkaġunatlu feriti ħfief, li għamlet ħsara lill-affarijiet tiegħu, li insulentatu u użat theddid li jaqbeż il-limiti ta’ provokazzjoni.

Il-mara li wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha fil-Qorti deheret tibki f’xi ħinijiet, ġiet akkużata wkoll li għamlet rapport falz tal-pulizija li akkużat lil żewġha bi stupru u fastidju sesswali u dan meta kienet taf li huwa innoċenti.

Hayman qal lill-Qorti li l-akkużata ressqet rapport lill-pulizija fejn sostniet li kienet ġiet stuprata minn żewġha u dan il-kliem rrepetitu mas-social worker. Il-każ ġie kklassifikat bħala ta’ riskju għoli u l-pulizija kienet marret immedjatament fir-residenza tal-mara biex tinvestiga. “Meta tkellimna mal-parte civile, li kien miksi bil-feriti, qalilhom li hu wkoll ried jagħmel rapport,” qal Hayman.

Il-mara qalet fil-Qorti li taħdem bħala ‘playworker’ mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi. Hija ġiet mixlija li wettqet dawn ir-reati li fis-7 ta’ Jannar li għadda.   Fil-qorti nstema’ li fid-dar kien hemm camera u mill-filmat ta’ 18-il minuta ħareġ li r-raġel kien qed isofri minn vjolenza domestika minn martu u li sofra minn theddid bla limitu.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li fil-filmati l-mara deheret issawwat lir-raġel b’idejha, b’lembuba, b’taġen u kitla bil-misħun. Preżenti waqt din ix-xena ta’ swat kien hemm uliedhom ta’ 14 u 7 snin, li kienu raw kollox u tkellmu mal-Pulizija u taw verżjoni simili ta’ dak li kien tahom missierhom.

Każ li jitfa nisa li jbatu minn vjolenza domestika 100 sena lura

L-Ispettur Hayman qal li każ bħal dan, b’rapport falz ta’ stupru, jitfa’ lin-nisa li veru jbatu minn vjolenza domestika 100 sena lura. Sadanittant l-avukati tal-mara, Martha Mifsud u Christian Frendo, għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest. L-Avukat Frendo qal li l-klijenta tiegħu għadha kemm għamlet operazzjoni  serja u m’għandhiex post alternattiv fejn tgħix iżda tista’ tikri biex ma tispiċċax il-ħabs.

L-Avukat qal ukoll li l-mara ilha tissaporti lir-raġel minħabba li kien jikkontrollalha ħajjitha u ma tantx kien jitratta sew. Qal li l-mara ġieli marret għandu u tkellmet dwar il-problemi li kienet għadejja minnhom u li anke l-allegat vittma mhux l-ewwel darba li kien kattiv magħha.

Qal li żewġha nstalla cameras fid-dar li kienu illegali, aktar u aktar meta dan kien iżomm l-istudenti barranin fid-dar. Id-difiża qalet ukoll li l-Pulizija diġa tkellmet mar-raġel u t-tfal u għalhekk m’hemmx biża’ ta’ intraċċ ta’ provi. Qalet ukoll li l-Pulizija għandha f’idejha wkoll l-verżjoni tat-tfal.

Id-difiża saħqet li wieħed għandu jisma’ wkoll dak li għandu xi jgħid ir-raġel li forsi ma jridx jipproċedi fil-każ.  Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa għat-talba tad-difiża minħabba biża’ ta’ kontaminazzjoni tal- provi  u l-aktar minħabba t-tfal. Qalet li l-mara m’għandhiex fejn tgħix u mhux se titħalla tiġri barra.

L-avukat tal-parte civile Dean Hili ddeskriva l-filmati bħala “18-il minuta brutali”, li fihom il-vittma kien qed qed jitlob lill-mara biex tieqaf minn dan l-aġir. Jidher ċar li mhux ta’ min joqgħod fuqha, peress li marret għand il-pulizija biex tagħmel rapport fuqu wara li sawwtitu lir-raġel, żied jgħid Hili.

“Għandu jitqies ukoll il-fatt li akkużata b’mod falz għamlet rapport fuq il-vittma b’reat falz li seta’ wassal biex jinżamm il-ħabs għal żmien twil, u li dan il-fattur għandu jitqies ukoll,” qal Hili. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur ir-raġel u wliedhom u ordnat lill-mara biex ma tkellimhomx, lanqas bit-telefown.

Hija laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom ma tkellimx ix-xhieda prinċipali, lir-raġel u t-tfal, tiffirma l-għassa tal-Qawra tliet darbiet fil-ġimgħa u toqgħod id-dar bejn l-10pm u s-7am. Sat-22 ta’ Jannar hija se tgħix f’lukanda fix-Xemxija u wara trid tinforma lill-Pulizija fejn se tmur tgħix. Kien waqt il-każ fil-Qorti li l-mara rranġat biex tmur tgħiux fil-lukanda, u dan bl-għajnuna tal-avukati tagħha.

Il-Maġistrat Vella ħelset lill-mara fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Il-mara ma kellhiex dan l-ammont ta’ flus fuqha għad-depożitu u r-raġel tagħha, li kien preżenti fl-awla, offra li jgħinha. Huwa qal li se jipprova jġib l-ammont u għalhekk ħareġ barra mill-Qorti bit-tir li jipprova jġib l€1,000, sabiex ma tispiċċax il-ħabs. Hawn il-Maġistrat rrimarkat li s-sitwazzjoni hija surreali. Il-Qorti ordnat li ma jiġux ippubblikati l-ismijiet kollha nvoluti fil-każ u anke  n-nazzjonalità tal-akkużata u l-allegat vittma.