Lokali

Ir-ritorn ta’ Muscat ikompli jikxef il-kriżi interna fil-Partit Laburista

...qasma li issa qed toħroġ verament fil-beraħ

“L-uffiċjali tal-Partit qegħdin komdi bħalissa, intrigu żejjed għalihom.”

Din kienet waħda mill-istqarrijiet li għamel persuna fi tweġiba għal post fuq Facebook li tefa’ l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, illum ċ-Chairperson tal-midja Laburista, Jason Micallef.

Dan wara li Jason Micallef ħareġ għonqu għal Joseph Muscat. Għalkemm mhux kulħadd qabel miegħu, fejn persuna oħra kiteb li l-Laburisti qed isawtu lil-Laburisti stess, u li dejjem qed igawdu l-opportunisti.

Kien kmieni lbieraħ filgħodu meta l-Pulizija għamlu tfittxija fir-residenza tal-familja Muscat f’Burmarrad. Dan b’rabta ma’ €60,000 li Joseph Muscat daħħal minn konsulenzi – fl-istess waqt li bħalissa għaddejja inkjesta Maġisterjali.

Joseph Muscat qal li din it-tfittxija tal-Pulizija kienet “teatrin” f’tentattiv biex hu jiġi umiljat.

Hu spjega li l-Pulizija ħadu file li preparah hu stess f’Novembru li għadda meta feġġet l-istorja dwar l-Accutor AG. Dak iż-żmien, it-Times kienet rabtet din il-konsulenza mal-każ tat-tliet sptarijiet.

Fuq il-media soċjali, ħafna ħarġu għonqhom għall-eks Prim Ministru u qalu li l-Partit Laburista jrid jaqbeż għal Joseph Muscat, Chris Cardona, Konrad Mizzi u Keith Schembri, għax dawn il-persuni saħħew lil-Labour.

Filwaqt li persuna oħra qalet li biex jgħaddu minn fuq Joseph Muscat, l-ewwel iridu jgħaddu minn fuq il-Laburisti kollha.